Sport Sport Ieħor

Aliaksandra Herasimenia kkundannata 12-il sena ħabs

L-għawwiema Olimpika tal-Belarus Aliaksandra Herasimenia ġiet ikkundannata 12-il sena ħabs wara li ġiet akkużata li ħolqot fondazzjoni estremista biex topponi lill-President tal-Belarus.

Herasimenia, 36, instabet ħatja wkoll li sejħet għal sanzjonijiet kontra l-Belarus u li xerrdet informazzjoni falza dwar l-avvenimenti. Hija kellha rabta diretta ma ‘protesti politiċi li seħħew fl-2020. Minkejja li għexet fil-Litwanja mill-2019, hija ġiet ipproċessata minħabba liġijiet ġodda ffirmati li jippermettu proċess anki jekk tkun assenti mill-awla tal-Qorti.

Aliaksandra Herasiminia kisbet żewġ midalji tal-fidda għall-Belarus fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012, kif ukoll midalja tal-bronż fl-Olimpijadi ta’ Rio erba’ snin wara.
Hija kienet ikkritikat bil-qawwa lil AlexanderLukashenko, li ilu kap tal-istat mill-1994. Fl-2020, wara li ħa aktar minn 81% tal-voti fl-elezzjoni Presidenzjali, kien hemm protesti fil-pajjiż minħabba n-nuqqas ta’ demokrazija fil-votazzjoni.

Herasimenia kienet fost numru ta’ atleti ta’ profil għoli li ffirmaw petizzjoni biex isiru elezzjonijiet ħielsa. L-avversarji politiċi, ġew arrestati waqt il-kampanja.
L-eks għawwiema mbagħad ifformat il-Belarus Sports Solidarity Foundation li pprovdiet għajnuna finanzjarja u legali lill-isportivi mill-pajjiż li huma fil-mira tal-awtoritajiet. Saħansitra rkantat il-midalja tad-deheb tagħha mill-Kampjonati tad-Dinja tal-2012 biex tgħin biex tiffinanzja l-organizzazzjoni.