Bouncer ta’ nightclub ċaħad akkużi relatati ma’ attakk fuq partitarju tal-futbol li kien qed jiċċelebra r-rebħa tal-Arġentina fit-Tazza tad-Dinja l-ġimgħa li għaddiet f’Paceville. L-Ispettur Keith Xerri ressaq il-qorti lil Marko Jerotic-Mitrovic, uffiċjal tas-sigurtà ta’ 27 sena mis-Serbja, quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, akkużat li fit-18 ta’ Diċembru kkaġuna ġrieħi gravi fuq Sergio Ramirez Lesmes fil-post magħruf bħala t-Tarġ ta’ Santa Rita.
Il-vittma, ta’ nazzjonalità Kolombjana ta’ 33 sena, kien kien Paceville, jiċċelebra r-rebħa tal-Arġentina fil-finali tat-Tazza tad-Dinja. Jerotic-Mitrovic kien akkużat ukoll li kiser il-paċi u li aġixxa bħala gwardjan privat mingħajr liċenzja. L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
L-avukati tiegħu, Shazoo Ghaznavi u Charlon Gouder, talbu l-ħelsien mill-arrest. L-Ispettur Xerri esebixxa filmati CCTV tal-inċident u oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest. L-akkużat kien ilu Malta inqas minn sena u nofs u kien qed joqgħod mat-tfajla tiegħu fl-appartament tagħha, li mhuwiex l-indirizz reġistrat tiegħu, qal l-ispettur, filwaqt li rrimarka wkoll li r-raġel m’għandu l-ebda prospett ta’ xogħol jew impjieg bħala gwardjan privat.
“Ir-reat huwa ta’ natura gravi, peress li suppost jgħin biex jinżamm l-ordni pubbliku,” żied l-ispettur. Il-pulizija għadha qed tipprova wkoll issib raġel ieħor b’rabta mal-attakk, huwa qal. Il-vittma għad trid tixhed ukoll, temm jgħid l-ispettur. Gouder staqsa lill-ispettur jekk l-akkużat kienx ikkopera bis-sħiħ mal-pulizija. “Hu mar jirrapporta lilu nnifsu fl-għassa tal-pulizija, ġimgħa wara,” wieġeb l-ispettur.
L-avukat qal lill-qorti li l-akkużat kien għadu preżunt innoċenti u li l-libertà proviżorja għandha tkun ir-regola, mhux l-eċċezzjoni. Ġie rrimarkat ukoll li Jerotic-Mitrovic kien wieġeb il-mistoqsijiet tal-pulizija waqt l-interrogazzjoni tiegħu u kien għamel stqarrija.
Id-difiża rrimarkat li l-inċident kien seħħ fit-18 ta’ Diċembru, u fil-11-il jum qabel l-arrest tiegħu, l-akkużat ma pprovax ibagħbas il-provi. Il-fatt li l-persuni l-oħra involuti fir-reat ma kinux taw ruħhom b’idejhom jew ikkooperaw mal-pulizija m’għandux ikollu effett u ħsara fuq id-drittijiet tal-akkużat, qal Gouder.
L-Ispettur Xerri sostna li l-għoti tal-libertà proviżorja lill-akkużat joħloq problema għall-investigazzjoni, speċjalment jekk jikkuntattja lill-persuna l-oħra mfittxija. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju, fid-dawl tal-fatt li l-persuna l-oħra involuta fl-inċident għadha trid tinstab mill-pulizija. L-Ispettur Keith Xerri mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukati Shazoo Ghaznavi u Charlon Gouder kienu avukati difensuri. L-Avukat Julian Farrugia deher f’isem il-parti civile.
//= $special ?>