Il-Maltin u l-Għawdxin huma rinomati ferm għax-xogħol pirotekniku. Iżda pajjiżna se jkun wieħed mill-ftit pajjiżi fid-dinja li mhux se jiċċelebra s-sena l-ġdida bil-ħruq ta’ logħob tan-nar fil-kapitali.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kkonfermat li mhix se tkun qed toffri l-ispettaklu annwali fil-Belt Valletta minħabba nuqqas ta’ fondi. Għalkemm imbgħad, se jinħaraq nar tal-ajru fil-Mellieħa – id-distrett tal-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis, il-Ministru tal-Kultura, Owen Bonnici għażel li jiddefendi din il-mossa ta’ sieħbu, u insista li iċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt xorta waħda se jkunu sbieħ.
Minn naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Valletta Cultural Agency, Jason Micallef ikkonfermalna li mhux se jkun hemm logħob tan-nar tal-ajru fil-Belt Valletta fil-lejl tal-Ewwel tas-Sena.
“Logħob tan-nar tal-ajru mhux se jsir imma minflok se jkun hemm biss logħob tan-nar artifiċjali mat-tokki ta’ nofsillejl,” qal Micallef.
B’Jason Micallef jesprimi diżappunt lejn din id-deċiżjoni fejn qal li mhux biss hu jinsab iddiżappuntat b’din id-deċiżjoni iżda wkoll il-kumplament tal-poplu Malti u Għawdxi.
Huwa mistenni li għal din is-sena se jattendu madwar 50,000 persuna għall-attivitajiet li ser isiru fil-Belt Valletta nhar is-Sibt li ġej. Bin-nies qed jinsistu li ċ-ċelebrazzjonijiet għall-ewwel tas-sena qatt ma jistgħu jkunu kompluti mingħajr il-logħob tan-nar… filwaqt li qabblu dan in-nuqqas bħallikieku għandek festin ta’ għeluq sninek mingħajr il-kejk, jew tieġ mingħajr il-mużika iżda l-Ministru jaħsibha mod ieħor.
“Dan se jkun spettaklu mill-isbaħ li ħadd mhu se jinsa,” baqa’ jinsisti l-Ministru Bonnici.
Ironikament, lanqas il-Covid, li wasslet għar-restrizzjonijiet ta’ ħafna affarijiet f’ħajjitna, ma kienet limitazzjoni għal din it-tradizzjoni piroteknika. Biex issa, il-Belt Valletta se ssellem il-bidu tal-2023 mingħajr logħob tan-nar.