Hekk kif l-Erbgħa tfakkar il-45 anniversarju mill-qtil ta’ Karin Grech, ħuha Kevin Grech qed jistqasi jekk f’dawn l-aħħar snin kinitx għaddeja inkjesta maġisterjali – u jekk iva, min kien il-maġistrat inkarigat.
Dan għaliex fi kliemu, huwa tal-mistħija li f’dawn l-aħħar 5 snin ħadd qatt ma kkuntatja lill-familja Grech dwar il-qtil makabru li ħasad il-ħajja innoċenti ta’ żagħżugħa ta’ ħmistax-il sena.
Oriġinarjament, il-pakkett kien indirizzat lil missierha, il-Professur Edwin Grech…li f’dak il-perijodu kien gie lura pajjizna mir-Renju Unit biex iservi fl-isptarijiet lokali.
Kevin Grech li kellu biss 10 snin meta ra b’għajnejh lil oħtu tinqatel b’permezz ta’ ittra bomba, kiser is-silenżju f’dan l-anniversarju hekk kif fil-kummenti tiegħu lit-Times, b’qalbu maqsuma saħaq li huwa tal-mistħija li l-qraba ta’ Karin Grech lanqas biss ġew rikonoxxuti fl-aħħar snin. Tant hu hekk li jekk kienet għaddejja inkjesta f’dawn l-aħħar 5-7 snin, la hu u l-ebda membru minn tal-familja tiegħu ma kienu jafu biha.
Kevin Grech insista li għandu jkun hemm inkjesta maġisterjali għaddejja sabiex jinkixef minn kien verament il-moħħ wara dan il-qtil brutali għaliex din l-istorja ghadha kapitlu miftuh sal-gurnata tal-lum – u kemm il-Familja Grech u anka l-Maltin kollha jixraqilhom li ssir ġustizzja.
Meta tkellem mat-Times, Kevin Grech qal li missieru, il-Professur Edwin Grech – il-persuna li kien fil-mira tal-ittra bomba li minflok qatlet lil oħtu … jinsab indispost għaliex jinsab f’dar tal-anżjani u ilu hemm għal dawn l-aħħar 4 snin, għalkemm saħħtu kienet diġa bdiet tmur lura ferm qabel. Filfatt Kevin Grech sostna li lanqas biss għadu jaraf il-membri tal-familja tiegħu.
Kevin Grech saħaq li din is-sitwazzjoni ilha tkarkar għal diversi snin mhux biss għal dawn l-aħħar 5 snin. Dan għaliex is-suppost laqgħat li kien ikollu Edwin Grech mal-kummissarju tal-pulizija kull xahar mhux darba jew tnejn ġew mħassra. Kevin Grech jgħid li għalkemm missieru baqa’ sal-aħħar jipprova jsib min qatel lill-bintu, sal-lum dan il-każ għadu ma ġiex solvut, u sal-lum, 45 sena wara dan l-avveniment ikrah, il-familja Grech għadha ma sabitx serħan.
//= $special ?>