Il-kalvarju għal għexieren ta’ eluf ta’ ċivili Ukreni kellu jkompli fl-aħħar sigħat, meta l-qawwiet tar-Russja mill-ġdid fetħu burraxka ġdida ta’ missili fuq Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, u bliet oħrajn li diġà jinsabu f’sitwazzjoni ddisprata minħabba n-nuqqas tad-dawl u ilma li hu tajjeb għax-xorb.
Filwaqt li l-osservaturi, jiem ilu, kienu qed jittamaw li l-gwerra fl-Ukrajna kienet se tonqos mill-intensità għal dawn il-festi, huwa minnu li l-poplu Ukren, bħalissa, qed iġarrab l-akbar bumbardamenti mill-bidu tal-konflitt li żbroffa fl-aħħar jiem ta’ Frar.
L-isplużjonijiet fi Kiev ħallew numru ta’ midruba inklużi tfal, waqt li l-missili tar-Russi niżlu wkoll fl-inħawi ta’ Kharkiv, Odesa, Lviv u Zhytomyr.
Intant, id-difiżi Ukreni rnexxielhom jinterċettaw il-maġġoranza assoluta tal-missili qabel dawn setgħu jolqtu lill-infrastruttura taċ-ċivili. Madankollu qed jingħad li l-missili li laqtu lill-miri speċifiċi fl-ibliet Ukreni komplew iżidu mal-qerda tal-aħħar ġranet.
Il-missili kienu sparati mill-art u mill-ajru, bir-rejd idum għaddej għal talanqas ħames sigħat. Dan waqt li l-Armata Ukrena kkonfermat li r-Russi attakkaw lill-Ukrajna ‘minn diversi direzzjonijiet’ permezz tal-missili cruise sparati mill-qawwiet tal-ajru u bil-bastimenti tar-Russi wkoll ħadu sehem fil-bumbardamenti.
Fl-istess ħin, il-militar ta’ Moska uża anki d-drones li rċieva mingħand l-Iran għal ‘attakki Kamikaze’ fuq l-ibliet Ukreni.
Ir-rejd irriżulta fi ħsarat għal diversi djar fl-inħawi ta’ Kiev waqt li seħħew ukoll numru ta’ splużjonijiet fir-reġjun ta’ Mykolaiv u fil-belt ta’ Lviv.
Sadanittant, id-difensuri Ukreni f’Odesa newtralizzaw aktar missili, għalkemm kien hemm uħud li laqtu lil xi bini f’xi zoni tar-reġjun. Il-missili laqtu wkoll il-villaġġi f’Ivano Frankivsk, reġjun lejn il-punent tal-Ukrajna, bil-Gvern Ukren ifisser lill-Gvern Russu bħala ‘reġim malinn li qed jipprova joqtol liċ-ċivili bħala massa minbarra li jeqred lill-infrastruttura kritika għall-Ukrajna.’
L-Ukrajna fl-aħħar ġimgħat kellha tirreżisti għall-għexieren ta’ attakki simili mill-Armata Russa li kkaġunaw il-blackouts madwar il-pajjiż. Il-Ministru Ukren għall-Enerġija Herman Halushchenko qal li l-aħħar attakki wettqu l-ħsarat sostanzjali fil-faċilitajiet li jiġġneraw id-dawl u li s-sitwazzjoni saret diffiċli ħafna għar-reġjuni ta’ Odesa u Kiev.
Dan ukoll meta reġgħu kienu rappurtati qtugħ tad-dawl fir-reġjuni ta’ Odesa and Dnipropetrovsk.
//= $special ?>

