Internazzjonali

Il-Kambodja: Nirien qattiela f’kumpless ta’ lukanda u casino

Mietu talanqas 20 fost nirien li qerdu parti minn kumpless ta’ lukanda u casino f’Poipet, fuq il-fruntiera tal-Kambodja mat-Tajlandja.

Il-filmati li ntbagħtu fuq il-media soċjali juru lin-nies qegħdin jaqbżu jew jaqgħu mill-ogħla sulari tal-kumpless u f’ħin meta kien hemm ħafna residenti u turisti Tajlandiżi.

Ħafna mill-vittmi spiċċaw f’sitwazzjoni impossibbli fis-sulari ta’ fuq tal-bini u l-awtoritajiet ma kenux qed jistennew li jsibu l-ħajjin f’dik is-sezzjoni tal-kumpless li nqerdet mill-fjammi. Dan ukoll  meta ċ-ċifra tal-imwiet tista’ tkun ogħla sew minn dik irrappurtata.

L-iskwadri għas-salvataġġ sabuha diffiċli ħafna biex jilħqu lin-nies maqbudin fil-bini minħabba d-dħaħen kbar ikkaġunati min-nirien u sal-bieraħ kienet għaddejja tfittxija għall-persuni rappuratati nieqsa. Iz-zona ta’ Poipet tipprovdi aċċess importanti bejn il-Kambodja u t-Tajlandja waqt li hi famuża wkoll għall-casinos li huma frekwentati minn ħafna Tajlandiżi peress li l-logħob tal-ażżard, fil-parti kbira, hu illegali fit-Tajlandja.