Mara qalet fil-Qorti li l-eks sieħeb tagħha residenti Ħal Qormi, Direttur ta’ kumpanija u li hija kienet waħda mill-impjegati tiegħu kien ossesjonat bl-imħabba li kellu għaliha li skalat meta hija riedet twaqqaf ir-relazzjoni minn miegħu. Ir-raġel ta’ 36 sena li qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih ingħata l-ħelsien mill-arrest.
L-allegata vittma ta’ vjolenza domestika qalet fil-Qorti li hija damet toħroġ miegħu għal sena u disa’ xhur. “Kont naħdem fil-kumpanija tiegħu. Fil-bidu ta’ Diċembru ta’ dan ix-xahar spiċċajt ir-relazzjoni u ridna nibqgħu ħbieb u mmorru wkoll fuq vjaġġ flimkien. Jien ktibtlu ittra u mbagħad qattajta imma hu qalli li xorta rnexxielu jaqraha.
“Qalli biex nitlaq mid-dar u hekk għamilt temporanjament u kont qed noqgħod ma’ oħti.” Qalet li sadanittant ma kinitx qed twieġeb l-ebda messaġġ tiegħu imma marret tagħmel rapport mad-Domestic Violence Unit u qalulha li se jkollhom jressquh – “jien għedtilhom le, u qaluli biex jekk jiġri xi ħaġa nċempel lill-pulizija”.
Qalet ukoll li t-Tlieta filgħodu (20 ta’ Diċembru) kienet qed titkellem ma’ ħabiba tagħha u l-akkużat. “ċempilli u weġibt. Staqsini jekk nistax ninżel Birkirkara u għedtlu taqlaliex inkwiet. Imm għidtlu biex jiġi u staqsieni jekk rajtx il-messaġġi li bagħat fejn kellu ritratti ta’ frosta.
“Tefani fuq is-sodda, tela’ fuqi u tagħni daqqa fuq wiccni. Żammni minn ghonqi u ma stajtx nieħu nifs. Spiċċajna mal-art u dak il-ħin l-akkużat irċieva telefonata, u jien għedt lil persuna li ċempel biex jinforma lill-pulizija minħabba dak li kien qed jiġri. Ġrejt sal-gallarija u qabadni minn xaghari u rasi spiċċat taħbat mal-bieb.
“Naħseb li mħabbtu saret ossessjoni lejja. Konna morna għand counsellor u ghidt lill-counsellor li ma nixtieqx inkompli bir-relazzjoni, u li l-akkużat għandu bżonn l-għajnuna. L-Ispettur Audrey Micallef qalet lill-Maġistrat Gabriella Vella li surġent tal-pulizija kien ċemplilha u informaha li l-akkużat kien arrestat u li kien hemm rapport li sar mill-allegata vittma.
Fl-ewwel stqarrija tiegħu, l-akkużat iddeċieda li ma jwieġeb għal xejn, l-għada, x-xhud qalet li rċeviet telefonata fejn qal li ried jitkellem u jagħti l-verżjoni tiegħu. Huwa ta t-tieni stqarrija tiegħu u tressaq il-Qorti fl-istess jum quddiem il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia. Frosta ġiet elevata mill-post kif ukoll oġġetti relatati ma’ ġugarelli sesswali.
Huwa qed jiġi mixli li wettaq dan ir-reat fir-residenza tal-mara f’Birkirkara fil-ħin ta’ bejn is-6.15pm. u 7.45pm. u dan skont l-allegata vittma minħabba li huwa ġiegħla tagħmel atti sesswali b’ġugarelli li jintużaw għas-sess, liema
atti hija rriffjutat li tagħmel.
Huwa qed jiġi mixli wkoll li ssekwestra lill-eks sieħba tiegħu, kkaġunalha ferita ħafifa, li nġurjha b’mod li ħareġ il-barra mil-limitu tal-provokazzjoni. Huwa ngħata il-libertà proviżorja kontra depożitu ta’ 1,000 ewro, garanzija personali ta’ 6,000 ewro, li jiffirma fl-għassa tal-pulizija tal-lokal tliet darbiet fil-ġimgħa (it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa) bejn id-9am u t-8pm u ddaħħlet ukoll ordni ta’ protezzjoni għal sentejn u ordni ta’ trażżin.
L-ebda curfew ma ġie ordnat. Għall-akkużat dehru l-Avukati Franco Debono, Francesca Zarb u Marion Camilleri filwaqt li għall-allegata vittma dehru l-avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila.
//= $special ?>