Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Imħeġġa biex jirrappurtaw is-sejbiet tas-‘sustanzi fix-xorb’

Il-Britanniċi li se jiċċelebraw sena ġdida fil-pubs jew waqt il-parties qed ikunu mħeġġa biex jirrappurtaw mill-aktar fis is-sitwazzjonijiet fejn xi ħadd jipprova jitfgħalhom is-sustanzi fix-xorb. Dan jgħodd ukoll f’każi fejn huma jispiċċaw vittmi ta’ xi ‘tingiża misterjuża’ waqt l-eqqel taċ-ċelebrazzjonijiet.

Matul is-sena, il-pulizija Britannika rċeviet mal-5,000 rapport dwar abbużi relatati mal-fenomenu ta’ drink and needle spiking li l-każi tagħhom żdiedu fin-nightclubs tar-Renju Unit. L-awtoritajiet enfasizzaw biex ir-rapporti jsiru malajr kemm jista’ ikun peress li d-droga tgħaddi malajr ħafna mis-sistemi tal-vittmi f’sitwazzjoni li tikkumplika l-provi għall-prosekuzzjoni tan-nies responsabbli.

Il-parir tal-awtoritajiet hu biex kwalunkwe rapport dwar suspettat spiking isir minnufih. Filwaqt li s-spiking jinvolvi taħlit ta’ droga fix-xorb mingħajr il-kunsens tal-vittma, in-needle spiking jinvolvi azzjoni fejn xi ħadd jinjetta lil ħaddieħor bid-droga bħala forma ta’ aggrediment.