Lokali

Nextbike Malta se titlaq minn pajjiżna

L-ewwel u l-ikbar kumpanija li toffri kiri ta’ roti madwar pajjiżna, NextBike Malta… se tkun qed titlaq minn Malta fil-bidu tas-sena li ġejja.

Il-kumpanija kienet bdiet topera f’pajjiżna lura fl-2016 fejn sitt snin wara kibru tant li madwar Malta kien hawn mas-60-il stazzjon u madwar 400 rota aċċessibli għall-Maltin u anke turisti.

Madanakollu, fi stqarrija għall-klijenti tagħhom, NextBike Malta qalet li kawża ta’ nuqqas ta’ inizzjattivi mill-Gvern, huma se jkollhom jitilqu minn pajjiżna.

Il-kumpanija appellat lill-Gvern biex jibda jippromwovi u jagħti inċentivi lill-persuni biex iħeġġiġhom jagħmlu iktar użu mir-roti – mezz ta’ trasport li kompletament ma jħammiġx l-arja ta’ madwarna.

NextBike Malta qalet kif il-propjetà tagħhom kienet regolarment qed tiġi vandalizzata jew saħansitra misruqa… U dan minkejja li dawn ir-roti, fil-maġġoranza tagħhom, jinsabu f’postijiet frekwentati minn ħafna nies f’kull ħin tal-ġurnata, bħal San Ġiljan.

NextBike spjegat kif il-kumpanija kompliet tieħu daqqa ta’ ħarta hekk kif il-klijenti tagħha, minkejja li urew interess kbir fis-servizz tagħhom, ma bdewx iħossuhom siguri li jivjaġġaw minn post għall-ieħor bir-rota hekk kif it-toroq Maltin mhumiex siguri u addattati għaċ-ċiklisti.

Fl-aħħar xhur rajna kif numru ta’ ċiklisti kienu involuti f’inċidenti tat-traffiku… bl-iktar każ riċenti kien ta’ żagħżugħ li spiċċa jissielet għal ħajtu wara li ttajjar minn karozza f’Ħaż-Żebbuġ… liema karozza ħarbet mill-post.

Il-kumpanija rrikonoxxiet il-fatt li l-idea tal-użu tar-roti tinteressa lil ħafna nies tant li matul l-erba’ snin li NextBike offriet programm ta’ tgħalim b’xejn għal dawk kollha li jixtiequ jitgħalmu jaqdfu r-rota, iktar minn 600 persuna rċievew ċertifikat tat-tlestija tal-programm… liema programm dejjem kien ikun mimli b’persuni interessati.

U dan ma jfissirx biss it-telf ta’ possibiltà li Malta jkollha arja iktar nadifa ‘il bogħod mill-vetturi li jużaw diversi fjuwils iżda wkoll telf ta’ mijiet ta’ impjiegi… fosthom familji Maltin li issa spiċċaw mingħajr xogħol.

Din is-sitwazzjoni mhix l-ewwel darba li qed naraw bħalha hekk kif fl-aħħar xhur rajna l-kumpanija popolari tal-karozzi tal-elettriku, GoTo Malta li wkoll telqet minn pajjiżna.

Iż-żewġ kumpaniji kienu joffru alternattivi għall-karozzi li jaħdmu bi fjuwils li jniġġsu l-arja li ngħixu biha.