Futbol Internazzjonali

IL-BRAŻIL F’LUTTU: Bejn it-Tnejn u t-Tlieta se tingħata l-aħħar tislima lil Pelè

Tislima lir-"Re Etern" tal-futbol

Il-funeral ta’ Pelè se jsir fit-2 u 3 ta’ Jannar fejn mill-isptar Albert Einstein jittieħed f’Vila Belmiro Stadium lil hinn minn Sao Paolo. Hemmhekk ser jitpoġġa f’nofs il-pitch għall-aħħar tislima tal-pubbliku.

Wara, it-tebut jgħaddi mir-raħal ta’ Santos minn quddiem id-dar fejn għadha tgħix ommu Celeste li għandha 100 sena li iżda mhix luċida. U se tkun tista’ issellem lil binha b’dan il-mod.

Id-difna se ssir it-Tlieta fil-Memorial Necropole Ecumencia, u għaliha se jattendu biss il-membri tal-familja.

Intant, barra l-isptar f’Sao Paolo, eluf ta’ Brażiljani inġabru biex isellmu lil Pelè hekk kif il-pajjiż għaddej minn tliet ijiem ta’ luttu nazzjonali. B’uħud ipoġġu strixxun li fuqu għandu l-kliem “Ir-Re Etern”. Oħrajn dehru lebsin il-flokk bin-numru 10 – in-numru li kien abbinat ma’ Pelè speċjalment fiż-żmien meta kien parti mill-iskwadra ta’ Santos.

Il-partitarji Brażiljani kienu ilhom jistennew din l-aħbar kerha, iżda xorta għal ħafna kien xokk malli ħarġet b’mod uffiċjali l-konferma li Pelè kien miet. Tant li dawk barra l-isptar dehru emozjonati immens, jibku lil dan l-istilla tal-futbol li ħafna iqisuh l-aqwa ta’ kull żmien.