Lokali

Il-Gvern ta’ Robert Abela jroxx €65,000 għall-‘magħżul’ tal-Ministru – PN

Il-Partit Nazzjonalista ilu jistaqsi lill-Ministru Clyde Caruana, li kien il-magħżul ta’ Robert Abela bħala l-Ministru tal-Finanzi biex, f’ġieħ it-trasparenza, jgħid għaliex l-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joseph Gavin għadu qed jitħallas eluf fix-xahar minn flus il-poplu, kif ukoll biex ikun ippubblikat il-kuntratt li dan kellu.

Iżda l-Ministru tal-Finanzi baqa’ ma weġibx u dak li Clyde Caruana rrifjuta li jwieġeb fil-Parlament, issa kixfitulu l-media.

Dan intqal fi stqarrija tad-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.

The Shift News irrapportat kif Gavin, li r-riżenja tiegħu minn Kap Eżekuttiv tal-MFSA tħabbret matul is-sajf li għadda, għadu qed jirċievi madwar €11,000 fix-xahar minn flus il-poplu. Sa Marzu li ġej, hu se jkun ingħata madwar €65,000 biex sempliċiment jagħti handover.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif il-Ministru tal-Finanzi ma jistħix jibgħatek bil-flixkun tal-plastik għal 10 ċenteżmi, li inti diġà ħallast, imma mbagħad iberbaq flusek.

Għall-‘magħżul’, li issa l-Ministru Caruana ma jridux aktar, hemm xi jroxx. Għall-Maltin u l-Għawdxin, li ta’ kuljum qed jissieltu mal-għoli tal-ħajja biex ikollhom kwalità tal-ħajja aħjar, hemm l-issikkar taċ-ċinturin.

It-trasparenza titlob li flus il-poplu jintużaw kif inhu xieraq u bi trasparenza assoluta u mhux fil-ħela u l-ħabi