Is-sitwazzjoni fiżika tal-eks Papa Benedittu XVI — li saħħtu bdiet tmajna sew fl-aħħar ġranet — qed tħasseb lill-ogħla ġerarkija tal-Vatikan minħabba l-protokolli involuti kulmeta jmut Kap tal-Knisja.
Fil-fatt, il-Knisja Kattolika għandha l-protokolli stretti għal meta jmut Papa iżda fil-preżent mhux ċar jekk dawn il-protokolli japplikawx għal eks Papa, magħruf bħala Emeritus, li, fl-2013, ma kompliex bil-funzjoni tiegħu minħabba li ħassu wisq anzjan biex jaqdi dan ir-rwol.
Meta Benedittu kien spiċċa minn Papa hu sar l-ewwel Kap tal-Knisja li telaq mill-kariga qabel mewtu f’xejn anqas minn 600 sena.
Imwieled bħala Joseph Ratzinger, il-Kardinal Ġermaniż kien elett Papa f’April tal-2005 u fejn kien għażel l-isem Benedittu – l-isem li għadu sallum magħruf biha madwar id-dinja. Hu fil-preżent għandu 95 sena.
Intant, is-sitwazzjoni issa saret ikkumplikata u inċerta wara li, għal kważi għaxar snin, kien hemm żewġ Kapijiet tal-Knisja residenti qrib ta’ xulxin fil-Vatikan.
U waqt li l-Knisja ilha mill-2013 taħt it-tmexxija tal-Papa Franġisku, Benedittu baqa’ jgħix fil-Ġonna tal-Vatikan li huma parti mill-monasteru ta’ Mater Ecclesiae. Kien hemm ukoll id-drabi fejn il-media ħadet ir-ritratti u filmati taż-żewġ Papiet fil-kumpannija ta’ xulxin.
Fl-istess ħin, il-Knisja qatt ma kellha tiffaċċja sitwazzjoni fejn Papa fil-kariga jmexxi l-funeral tal-Papa ta’ qablu, iżda din tista’ issir realtà ‘il quddiem.
Lanqas fil-medjuevu ma qatt eżistiet sitwazzjoni bħal din għaliex meta Gregorju XII irriżenja minn Papa fl-1415, hu kien qed jaħseb biex itemm is-snin ta’ diżgwid bejn il-persuni li kienu qed jiġġieldu bejniethom għat-tmexxija tal-Knisja wara mewtu.
Ladarba toħroġ il-konferma uffiċjali dwar il-mewt ta’ Papa, il-proċedura titlob biex il-Kapijiet tal-Istati l-oħrajn ikunu notifikati b’mod informali u qabel ir-Radju tal-Vatikan jagħti din l-aħbar.
Il-persuna li jmexxi lill-Vatikan minn wara l-mewt ta’ Papa sakemm jiġi elett il-Kap tal-Knisja suċċessur għandu l-isem ta’ “camerlengo” u liema rwol bħalissa jinsab f’idejn il-Kardinal Kevin Farrell. Iżda peress li Benedittu mgħadux Papa, uħud mill-funzjonijiet ta’ dajn il-Kardinal jistgħu ma jibqgħux applikabbli fiċ-ċirkustanzi preżenti. U peress li l-Papa Franġisku għadu qed imexxi lill-Knisja, hemm anki element kbir ta’ inċertezza dwar ir-rwol proprju tal-‘camerlengo’.
Il-funeral għal Papa – f’sitwazzjoni ‘normali’ – ikun presedut mid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, li bħalissa hu l-Kardinal Giovanni Battista Re. Iżda f’każ li jiġi nieqes Benedittu, wieħed jistenna li l-funeral fil-Bażilika ta’ San Pietru (f’Ruma) jitmexxa mill-Papa Franġisku innifsu.
Sadanittant, l-elezzjoni ta’ Papa ġdid – li s-soltu hi l-aktar ritwal sinifikanti wara l-mewt ta’ Papa – din id-darba mgħandhiex issir. Madankollu, il-protokolli eżatti li l-Vatikan għandu jsegwi fiċ-ċirkustanzi xejn ma jidhru ċari u meta l-Knisja Kattolika għad trid toħroġ pubblikament bl-informazzjoni relatata.
//= $special ?>

