Lokali

“It-tweġiba m’għand il-Ministeru tas-Saħħa hija dgħajfa u mhux konvinċenti “

“Ir-risposta m’għand il-Ministeru tas-Saħħa rigward il-mediċini kienet waħda ferm dgħajfa filwaqt li naqset milli tikkonvinċi li kollox jinsab taħt kontroll.”

Dan intqal mill-ġurnal ‘The Malta Independent’ hekk kif l-editorjal tal-Ġimgħa jistqarr illi l-lista ta’ mediċini out-of-stock qed titwal ġurnata wara l-oħra.

Dan il-ġurnal ikkritika l-fatt li l-Gvern dam sabiex bagħat ir-risposta tiegħu għal din is-sitwazzjoni inkwetanti, meta normalment minn Kastilja jwieġbu f’ħin qasir. U allura, dan jagħti wieħed x’jifhem li fir-realta’ s-sitwazzjoni ma tinsabx taħt kontroll.

Il-Gvern qed jibqa’ jagħżel li jwaħħal fis-stwazzjoni internazzjonali hekk kif qal li l-maġġoranza tal-pajjiżi li jinsabu fl-Unjoni Ewropea għaddejjin minn din l-istess sitwazzjoni.

Barra minn hekk, fir-risposta tiegħu l-Ministeru fl-ebda ħin ma ndirizza l-fatt li l-lista tal-mediċini out-of-stock ilha ma tiġi aġġornata mis-7 ta’ Novembru. Din il-lista suppost tiġi aġġornata kull ġimgħa, iżda issa għaddew aktar minn 7 ġimgħat minn l-aħħar aġġornament.

Bħalissa f’pajjiżna hawn mediċini tad-dijabete, antibijotiċi kif ukoll mediċini għall-kura tal-kanċer li ħafna nies jagħmlu użu minnhom.

Il-ġurnal ikompli jgħid li din il-mossa tagħti l-impressjoni li l-Gvern għandu xi ħaġa x’jaħbi filwaqt li l-ġurnal jaċċena għall-importanza li l-aġġornament tal-mediċini out-of-stock għandu jkompli immedjetament.

L-aħħar darba li f’pajjiżna ma kienx hawn mediċini out-of-stock kien propju fit-28 ta’ Novembru tal-2019 ftit aktar minn tlett snin ilu.

Net News jinsab infurmat li bħalissa hawn xejn anqas minn 25 medicina out-of-stock.

Dan l-istazzjoni ilu tliet ijiem illi saqsa lill-Gvern biex jgħid liema huma dawn il-mediċini, iżda s’issa Kastilja u l-Ministeru tas-Saħħa baqgħu fil-muta.