Internazzjonali Lokali

“Kont inħares lejh bħala l-idolu tiegħi… meta rajt lil Pelè għarkopptejh quddiemi kienet l-ikbar esperjenza ta’ ħajti”

Il-Braziljan Neymar sejjaħlu “ir-Re tal-futbol li biddel kollox”. Għal Sir Bobby Charlton kien “futboler maġiku”. Għal Fr Hillary…Pelè jibqa’ dak li bniedem li niżel għal-livell taż-żgħażagħ Maltin u ħalla marka kbira fis-snin sebgħin meta ġie fostna.

Iltqajna ma’ Fr Hillary Tagliaferro ftit sigħat wara li tħabbret il-mewt tal-leġġenda tal-football Pele. Fr Hillary jiddeskrivi lil Pelè bħala personaġġ komplet. Jgħid li meta jagħmel paragun ma’ pleyers oħrajn, ma jħarisx lejh bħala player biss… it-teknika tiegħu, imma jħares lejh ħolistikament… kemm hu personaġġ komplut. Fr Hillary jgħid li apparti li Pele għamel fuq l-elf goal, kien dejjem eżempju ta’ kollox, kemm fil-ground u barra l-ground u dak huwa li jagħmlu personaġġ kbir.

Kulħadd fid-dinja tal-futbol ta’ tislima xierqa lil dan il-Brażiljan leġġenda tal-futbol – minn Messi għal Cristiano Ronaldo; minn Cannavaro għal Lewandowski; minn Usain Bolt sa Mbappe. Sportivi, ċelebritajiet, politiċi…kollha sellmu l-memorja ta’ Pelè bħala l-bniedem uniku li ta sens lill-futbol fis-Seklu 20.

L-istilla tal-Brażil kellu wkoll rabta ma’ Malta hekk kif fl-14 ta’ April tal-1975 kien għamel żjara f’pajjiżna li matulha mexxa sessjoni ta’ taħriġ għal plejers żgħażagħ. Fr. Hilary Tagliaferro jispjega li kienet okkażjoni mill-isbaħl meta Pele kien żar Malta. Meta kien hawn huwa kompla jkabbar l-entużjażmu għal-logħba tal-football fost it-tfal speċjalment u l-popolarità tiegħu anke Malta għax l-istadium tal-Gżira kien ippakkjat bin-nies Jiddeskrivi kif it-tfal ħadu pjaċir ovvjament hekk kif Pelè kien f’burdata sabiħa ħafna fejn ammira ħafna l-klassi ta’ teknika li kellhom it-tfal tagħna, kien qalli ċar u tond.

Fr Hillary jirrakkonta waħda mill-isbaħ esperjenzi li kellu f’ħajtu proprju meta l-leġġenda Pelè żar pajjiżna.

“Konna fil-hotel Ħ’Attard, qabel tlaqt lejn id-dar filgħaxija bil-lejl fl-ewwel ġurnata li wasal ħasadni meta qalli le ma titlaqx qabel ma ttini l-barka tiegħek… u niżel għarkobbtejh quddiemi. Jiena li kont inħares lejh bħala l-idolu tiegħi, nara lil Pelè għarkopptejh quddiemi kienet l-iktar esperjenza ta’ ħajti.”