Lokali

“L-ebda ħaddiem m’għandu jkun ikkastigat għax jobdi direttiva tal-union” – PN

Id-drittijiet tal-ħaddiema u l-unions li jesprimu d-drittijiet legali tagħhom u li jwettqu tilwim industrijali jridu jkunu rispettati, speċjalment mill-entitajiet tal-Gvern u minn dawk li huma fdati biex jaraw li l-proċeduri jitħallew isiru.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Maritimu, Ivan Castillo jirrikonoxxi u jirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema kollha, kif ukoll id-dritt li jagħżlu ma’ liema union huma affiljati u d-dritt tal-unions li jippreżentaw tilwim industrijali għall-membri tagħhom, anke jekk ma jkollhomx rikonoxximent. Il-Gvern hu obbligat li jassigura li dan jitwettaq.

L-artikoli kollha f’kull ftehim kollettiv iridu jkunu skrutinizzati mid-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol biex jiżguraw li jaqgħu taħt il-parametri tal-Liġi u l-Kostituzzjoni. L-unions għandhom jiżguraw ukoll li l-proċeduri fir-rigward tat-tilwim industrijali jkunu rispettati u l-Gvern irid jiżgura li t-tilwim industrijali rreġistrati uffiċjalment ikunu rrispettati.

Il-Partit Nazzjonalista iħoss li għad hemm ħafna xi jsir fir-rigward tar-relazzjonijiet industrijali u se jara li dawn jittejbu biex it-Tribunal Industrijali jkun l-aħħar għażla.

Hu tat-tħassib kif kien stabbilit li ż-żmien medju biex it-tilwim ikun iffinalizzat hu ta’ erba’ snin. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jrid jiżgura li għażliet alternattivi mhux eżerċitati llum mid-DIER ikunu introdotti, bħall-arbitraġġ, u jipprovdu lid-DIER bl-awtorità u r-riżorsi meħtieġa. Irid jara wkoll li jkun hemm definizzjonijiet aktar ċari fil-Liġi kif unions mingħajr rikonoxximent jistgħu jwettqu tilwim industrijali.

Dan biex jittejbu r-relazzjonijiet industrijali bejn min iħaddem u l-impjegati, kif ukoll il-produttività u ambjent tax-xogħol aktar b’saħħtu għall-ħaddiema. Is-sitwazzjoni preżenti hi ‘l bogħod minn dak li kien imwiegħed mill-Gvern ta’ Robert Abela.