L-Ambaxxatur tal-Ukrajna f’Minsk kellu laqgħa mar-rappreżentanti tal-Gvern tal-Belarus fejn iddiskutew it-twaqqigħ ta’ missila fl-artijiet tal-Belarus wara li din, allegatament, kienet sparata mill-qawwiet tad-difiża Ukreni. Il-missila niżlet qrib il-villaġġ ta’ Harbacha, fir-reġjun ta’Brest u xi 15-il kilometru ‘il bogħod mill-fruntiera tal-Ukrajna.
L-inċident seħħ fost l-offensiva attwali mill-qawwiet tar-Russja fuq numru ta’ bliet Ukreni u t-Televiżjoni tal-Belarus xandar filmati ta’ għalqa fejn allegatament jidhru l-partijiet tal-missila inkwistjoni.
L-Ukrajna qed tgħid li dan l-iżvilupp seta’ kien dovut għall-impenji tad-difiża intiżi biex ixejjnu l-impatt tal-bumbardamenti fuq artha min-naħa tar-Russi.
Min-naħa tiegħu, il-Belarus – bħala alleat ewlieni tar-Russja – insista biex il-Gvern Ukren imexxi investigazzjoni sħiħa dwar kif il-missila (tat-tip S-300) setgħet niżlet fit-territorju tiegħu.
Din hi l-ewwel darba li ssemma t-twaqqigħ ta’ missila mill-Ukrajna fil-Belarus mindu l-qawwiet Russi invadew l-artijiet tal-Ukreni fi Frar li għadda.
Intant, l-Ambaxxatur Ukren f’Minsk kien infurmat li l-Belarus qed iqis is-sitwazzjoni tal-missila bħala każ mill-aktar serju fost l-insistenza biex it-Tmexxija fi Kiev tieħu kull prekawzjoni biex tevita inċidenti simili.
Ir-Russja wkoll esprimiet ‘tħassib’ dwar l-inċident waqt li l-Ministeru tad-Difiża Ukren qal li hu lest biex jistieden l-esperti barranin biex jinvestigaw l-inċident ‘bil-patt li dawn ma jkunux ġejjin mill-Istat terroristiku tar-Russja’.
L-Ukrajna anki qed tirriserva d-dritt li tkompli bid-difiża tal-artijiet tagħha u mhix teskludi li l-qawwiet ta’ Moska setgħu sparaw huma l-missili cruise lejn zona partikulari tal-Belarus bil-ħsieb li Minsk jikkunsidra l-azzjoni bħala ‘provokazzjoni sfaċċata’ min-naħa tal-Ukreni.
Fl-aħħar jiem, l-uffiċjali fl-Ukrajna kienu qalu li r-Russja tista’ qed tippjana offensiva ġdida fuq l-Ukrajna, bl-artijiet tal-Belarus iservuha bħala bażi għal dawn l-attakki. Iżda l-Gvernijiet tal-Punent sostnew li ma raw l-ebda provi li r-Russi jistgħu qed jippjanaw dimensjoni ġdida bħal din għall-konflitt tal-Ukrajna.
//= $special ?>

