Internazzjonali

Myanmar: Seba’ snin oħra ta’ priġunerija għal Aung San Suu Kyi

Aung San Suu Kyi

Qorti militari fi Myanmar ikkundannat lil-eks Mexxej tal-pajjiż, Aung San Suu Kyi, għal seba’ snin oħra ta’ priġunerija – u bir-riżultat li s-sentenza ta’ ħabs tagħha issa telgħet għal 33 sena.

Suu Kyi, rebbieħa tan-Nobel għall-Paċi u li snin ilu kienet eletta bħala Mexxej nazzjonali waqt vot demokratiku, ilha miżmuma taħt arrest fid-dar tagħha mindu l-militar keċċa lill-Gvern li kienet qed tmexxi waqt kolp ta’ stat, fi Frar tal-2021.

Minn dak iż-żmien, hi għaddiet minn 18-il xahar ta’ proċessi tal-qorti fejn kellha twieġeb għal 19-il akkuża. Dan waqt li l-gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem qed jinsistu li l-Ġunta fi Mynamar qed jipprova jivvinta l-akkużi kontra Suu Kyi biex jaċċerta li hi tibqa’ fi stat ta’ priġunerija.

Għalkemm in-Nazzjonijiet Uniti qed issejjaħ għall-ħelsien ta’ Suu Kyi, l-eks Mexxej ta’ Myanmar kienet ikkundannata dwar l-aħħar ħames akkużi li kellha tiffaċċja. Intant, il-qorti sabitha ħatja, fost oħrajn, dwar korruzzjoni talli hi, waqt li kienet fil-poter, ma segwietx ir-regolamenti rigward il-kiri ta’ ħelikopter għal Ministru tal-Gvern.

Dan meta Suu Kyi kienet diġà spiċċat ikkundannata għal 14-il reat differenti, bil-proċessi tagħha, din is-sena, isiru wara l-bibien magħluqa u fejn ma kenux permessi l-membri tal-istampa.

Min-naħa tagħha, din ir-rebbieħa tan-Nobel, li llum għandha 77 sena, qed tiċħad kategorikament għall-akkużi kollha miġjuba kontra tagħha.