Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs wara li kisret żewġ kundizzjonijiet tal-Qorti b’rabta ma’ serq

Mara ta’ 45 sena li l-aħħar indirizz tagħha kien jindika li toqgħod il-Għargħur ġiet ikkundannat sitt xhur ħabs mill-Maġistrat Leonard Caruana wara li ammettiet li kisret il-kundizzjonijiet mogħtija minn żewġ Maġistrati wara li kienet akkużata fuq reati ta’ serq.  

F’Novembru tal-2020 Graziella Debono kienet ġiet mixlija li meta kienet qed taħdem bħala fattiga wettqet is-serqa minn dar f’Raħal Ġdid u l-valur tas-serqa kien jaqbeż il-€5,000. Hija ċaħdet akkużi li serqet deheb u ġojjelli mid-dar fejn kienet taħdem.  

Fuq dan il-każ Debono ngħatat il-libertà proviżorja wara li ġiet akkużata fil-Qorti b’serq aggravat u li hi riċediva.  Is-serqa allegatament kienet seħħet fl-aħħar ġurnata tal-impjieg tagħha. Hija kienet ingħatat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €3,000.

F’Jannar tal-2021 Debono kienet reġgħet tressqet il-Qorti u ġiet mixlija li serqet €400 fi flus kontanti minn ‘pet shop.’ Graziella Debono, li sentejn ilu kienet tgħix Ħaż-Żabbar u s-sena l-oħra l-Qawra kienet ġiet arrestata wara li filmati minn CCTV cameras fil-Marsa wasslu biex sid il-ħanut għamel rapport fl-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun.

Il-mara kienet tressqet quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, llum Imħallef u ġiet mixlija bis-serqa u li kiret il-kundizzjonijiet tal-Qorti. Id-difiża u l-prosekuzzjoni kienu qalu li l-mara kienet diġa’ għamlet kuntatt ma sid il-ħanut biex trodd lura l-flus u li hi kienet se tixtri xi fniek mill-ħanut għal oħta.

Il-Maġistrat Josette Demicoli kienet ħelsitha mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000, u li tiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija u ma tersaqx lejn il-Marsa. Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Maġistrat Caruana biex flimkien mal-piena applikabbli għall-imsemmija reati, tirrevoka d-digriet talħelsien mill-arrest u tordna r-rearrest ta’ l-imsemmija Debono. Kif ukoll tordna li s-somma ta’ €5,500 bħala garanzija personali jgħaddu favur il-Gvern ta’ Malta.

Il-Qorti wara li semgħet iċ-ċirkostanzi li fihom seħħew ir-reati ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tal-Qorti u li l-akkużata għandha xi diffikultajiet fil-familja li jeħtieġu l-attenzjoni u li r-reati seħħew sforz in-nuqqas tagħha li tapprezza s-serjetà u ssolennità li biha għandha ssegwi l-kundizzjonijiet imposti fuqha.  

Min-naħa l-oħra qalet il-Qorti, l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ma jistgħux jittieħdu b’leġġerezza u għandhom jiġu segwiti skrupolożament. Il-kundizzjonijiet imposti minn Qorti fir-rigward tal-ogħti tal-ħelsien qegħdin hemm sabiex jassiguraw bilanċ bejn il-proċeduri penali u d-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza ta’ akkużat.

B’dawn il-kundizzjonijiet, akkużat ikun qiegħed jiġi fdat li se jobdi l-liġijiet tal-pajjiż kif ukoll jobdi tali kundzzjonijiet imposti fuqu jew fuqha. Ksur tagħhom ifisser ksur tal-fiduċja li l-Qorti u l-Istat Malti qiegħed ipoġġi f’ħoġor l-akkużat jew akkużata.

B’hekk, il-Qorti tqis li għalkemm piena karċerarja effettiva hija idonea f’dawn iċ-ċirkostanzi, l-istess ċirkostanzi ma jimmeritawx ir-revoka tal-għoti tal-ħelsien mill-arrest u lanqas ma jimmeritaw il-konfiska tal-garanzija kollha mogħtija, iżda biss parti mill-istess garanzija.

Għal dawn il-motivi, l-Qorti kkundannat lil mara għal piena ta’ sitt xhur priġunerija effettiva, multa ta’ €150 u tordna li l-ammont taħt garanzija, għandu in parte jiġi konfiskat a favur tal-Gvern ta’ Malta u dan limitatament għas-somma ta’ €100.  Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Roderick Attard u Paul Camilleri.