Fl-Awstralja kompliet l-ewwel edizzjoni tal-United Cup, kompetizzjoni li fiha qed jieħdu sehem 18-il nazzjon maqsuma f’sitt gruppi ta’ tliet pajjiżi kull grupp. Dawn jilagħbu fuq bażi ta’ round-robbin bir-rebbieħ ta’ kull grupp jgħaddi għat-tieni fażi.F’kull konfront jintlagħbu ħames logħbiet, żewġ singles tal-irġiel, żewġ singles tan-nisa u logħba mixed doubles.
Fit-tieni fażi is-sitt pajjiżi li jikkwalifikaw jiltaqgħu kontra xulxin, bit-tliet rebbieħa jgħaddu għas-semifinali, flimkien ma’ dak il-pajjiż li minkejja t-telfa jkun kiseb l-aħjar punteġġ fil-logħba tat-tieni rawnd.
Il-United Cup qed tintlagħab fi tlett ibliet Awstraljani, Brisbane, Perth u Sydney, fejn kull belt qed tospita żewġ gruppi. Ir-rebbieħa ta’ kull grupp ta’ kull belt jiltaqgħu kontra xulxin fit-tieni fażi, biex ir-rebbieħ ta’ kull belt minkejja li jikseb aċċess għas-semifinali, jikseb ukoll is-suċċess simboliku tar-rebbieħ ta’ dik il-belt.
Il-fażi tas-semifinali u l-finali jintlagħbu fil-belt ta’ Sydney, fejn l-organizzaturi qed jagħtu jum ta’ mistrieħ qabel is-semifinali biex il-pajjiżi li jikkwalifika minn Perth u Brisbane ikollhom iċ-ċans biex jivvjaġġaw.
F’Perth qegħdin jintlagħbu l-logħbiet ta’ Grupp A u Grupp F. Grupp A hu magħmul mill-Greċja, l-Bulgarija u l-Belġju u s’issa ntlagħbet logħba waħda fejn il-Greċja għelbu lill-Bulgarija 4-1.Grupp F hu magħmul minn Franza, l-Arġentina u l-Kroazja, fejn fl-ewwel logħba Franza kellhom rebħa faċli ta’ 5-0 fuq l-Arġentina.
Fi Brisbane qed jintlagħbu l-gruppi B u E. Grupp B hu kompost mill-Iżvizzera, l-Każakistan u l-Polonja, filwaqt li Grupp E hu magħmul mill-Italja, l-Brażil u n-Norveġja. Anki hawn logħba waħda minn kull grupp fejn fi Grupp B l-Iżvizzera għelbet lill-Każakistan 5-0, filwaqt li minn Grupp E logħba missielta bejn l-Italja u l-Brażil, bit-Taljani joħorġu rebbieħa 3-2.
Finalment f’Sydney qed jintlagħbu l-logħbiet minn Grupp C u minn Grupp D. Fi Grupp C insibu lill-Istati Uniti, r-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja, fejn fl-ewwel logħba l-Istati Uniti kisbu rebħa ta’ 4-1 kontra r-Repubblika Ċeka.Grupp D hu kompost mill-Awstralja, ir-Renju Unit u Spanja u s’issa fl’uniku konfront li ntemm ir-Renju Unit għelbu lill-Awstralja 3-2.Il-kompetizzjoni tintemm fl-4 ta’ Jannar.
//= $special ?>