Lokali Qorti

Yorgen Fenech jappella d-deċiżjoni fuq l-Imħallef li se tippresiedi l-ġuri

L-avukati ta’ Yorgen Fenech ressqu appell għaċ-ċaħda tal-qorti tat-talba tiegħu għall-iskwalifika tal-imħallef li se tippresiedi l-ġuri tiegħu. L-appell ġie ppreżentat wara deċiżjoni mogħtija aktar kmieni dan ix-xahar mill-Imħallef Anna Felice, li tippresjedi l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha.

Hija kienet ċaħdet l-aħħar kawża kostituzzjonali ta’ Fenech, it-13-il kawża tiegħu, li ma tinkludix kawżi ċivili oħra, mill-arrest tiegħu fl-2019, deskritta bħala tentattiv biex inutilament jittawlu l-proċeduri. Fl-aħħar talba tiegħu Fenech argumenta li minħabba li n-nomina tal-Imħallef Edwina Grima biex tippresjedi l-ġuri eventwali quddiem ġurija, wara l-astensjoni tal-Imħallef Aaron Bugeja, kienet ġiet ivvettjata mill-istess Avukat Ġenerali li ħareġ l-Att ta’ Akkuża kontrih, u dehra ta’ imparzjalità ma kinitx għadha fid-deher.

Fir-rikors ta’ Fenech, l-avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca saħqu kemm-il darba li ma kinux qed jiddubitaw l-integrità suġġettiva u l-imparzjalità tal-Imħallef Grima, iżda jekk il-qorti “kinitx kuntenta bid-dehra ta’ indipendenza u imparzjalità jew l-imparzjalità oġġettiva meħtieġa minn qorti,”

Minkejja li ma kellu l-ebda obbligu legali li jagħmel dan, l-Avukat Ġenerali kien għażel li jwettaq verifika legali tal-persuni nominati, argumentaw l-avukati, u kkontestaw id-deskrizzjoni tal-ewwel qorti tar-rwol tal-AĠ fil-proċess bħala “messaġġier.”

“Hu enfasizzat li d-dehra ta’ indipendenza ġiet imminata mill-indħil tal-Avukat Ġenerali fil-proċess tan-nomina. Huwa dan il-proċess li qed jiġi kkontestat permezz ta’ dawn il-proċeduri kostituzzjonali,” qed tgħid id-difiża.