Arsenal fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti fil-quċċata tal-klassifika meta għelbu lil Brighton 4-2. Il-gowls ta’ Arsenal waslu permezz ta’ Saka, Odegaard, Nketiah u Martinelli. Għal Brighton naqsu l-iskor Kaoru Mitoma u Evan Ferguson.
Manchester United qed ikomplu juru titjib minn logħba għall-oħra u fejn huma kisbu tliet punti meritati (1-0) mill-konfront ma’ Wolves, f’Molineux u għal rebħa li tellgħethom mat-Top Four tal-Premier League, b’vantaġġ ta’ żewġ punti fuq Tottenham Hotspur. L-eroj fis-suċċess tar-Red Devils kien Marcus Rashford li skorja l-gowl importanti lejn l-aħħar tal-logħba wara li hu kien tħalla fuq il-bank tas-sostituti għal raġunijiet dixxiplinarji. Kull konfront bejn dawn it-tims fil-Premier League, sallum, żvolġa dejjem f’taqtigħa interessanti u din il-logħba ma kenitx eċċezzjoni, bil-midfields ta’ Wolves u United jiddettaw ħafna mil-logħob fl-ewwel 45 minuta anki jekk l-attakkanti ma kenux daqstant inċiżivi quddiem iż-żewġ lasti. Il-logħba saret aktar miftuħa fit-tieni taqsima u fejn kien imiss lil Rashford biex ikompli bil-mument maġiku wara li hu daħal minflok Alejandro Garnacho — u bil-kowċ Erik Rten Hag jaqleb is-sistema għal waħda aktar avventuruża. Intant, fis-76 minuta, Rashford biddel il-ballun ma’ Bruno Fernandes u, wara slalom veloċi fil-kaxxa, ħalla lil Nat Collins iħares qabel għeleb lill-gowlkiper Jose Sa mill-viċin għall-gowl tal-logħba. Dan kien anki l-ħdax-il gowl għal Rashford fil-kompetizzjonijiet kollha għal din il-fażi tal-istaġun – u minbarra li hi l-ewwel darba li l-attakkant internazzjonali Ingliż skorja fi tliet logħbiet konsekuttivi għal United minn Diċembru tal-2019. Mill-banda l-oħra, din it-telfa ħalliet lil Wolves fiz-zona l-ħamra tal-klassifika għalkemm huma marru qrib li jiksbu punt fl-aħħar ħinijiet, meta l-gowlkiper ta’ United, David de Gea, wettaq save stupend fuq il-‘header’ mill-viċin ta’ Raul Jimenez.
Sadanittant, Manchester City sofrew daqqa ta’ ħarta meta, kontra kull mistenni, kienu miżmuma f’darhom, 1-1, ma’ Everton li qegħdin jissieltu biex jitbiegħdu mill-aħħar postijiet tal-klassifika. Iż-żewġ punti mitlufin ifissru li City, iċ-Champions tal-Ingilterra, għadhom it-tieni, b’distakk ta’ seba’ punti mal-liders Arsenal. L-ewwel taqsima fl-Etihad Stadium kienet kollha ta’ marka ‘City’ u ma kenitx sorpriża meta l-prolifiku Erling Haaland fetaħ l-iskor wara 24 minuta. Is-Citizens komplew ifittxu t-tieni gowl li ma wasal qatt u għal dan huma pattew qares meta, fl-64 minuta, Damarai Gray ittanta xortih minn angolu diffiċli ftit ‘il barra mill-kaxxa u fejn irnexxielu jsib ir-rokna tax-xibka għall-1-1 finali.
Crystal Palace irkupraw minn żewġ ħarġiet deludenti b’rebħa, 0-2, għand Bournemouth u meta huma, issa, jinsabu fil-ħdax il-post tal-klassifika. L-ewwel gowl għall-Eagles wasal fl-20 minuta meta Jordan Ayew (20) tħalla żmarkat fuq il-ballun perfett ta’ Michael Olise u fejn hu sab ix-xibka bir-ras minkejja t-tentattivi ta’ Travers biex isalva. Ftit qabel il-mistrieħ, Palace irduppjaw meta Olise mill-ġdid ipprovda ballun fuq platt lil Eberechi Eze (36) li spara ġewwa minn tarf il-kaxxa – u biċ-Cherries jibqgħu bla ebda risposta minn dak il-ħin ‘il hinn.
Southampton għadhom ankrati fil-qigħ tal-Premier League wara li sofrew telfa oħra – din id-darba kontra Fulham (1-2) fi Craven Cottage. Il-Cottagers marru fil-vantaġġ minn awtogol ta’ James Ward-Prowse (32) iżda l-captain tas-Saints (56) patta għal dan bi freekick stupend li ħalla lil Leno iħares. Madankollu, Fulham irnexxielhom isibu l-gowl tar-rebħa meta flick-on ta’ Kenny Tete sab lil Palhinha żmarkat biex jiskorja bir-ras, żewġ minuti mit-tmiem. Fil-ħin miżjud Fulham tilfu ċ-ċans li jżidu l-iskor meta Aleksandar Mitrovic ra l-penalty tiegħu milqugħ mill-gowlkiper tas-Saints, Bazunu – iżda l-Cottagers, b’din ir-rebħa, jinsabu s-seba’ fil-klassifika li hi l-ogħla pożizzjoni tagħhom fil-Premier League għal ħafna snin.
Waqfet is-sekwenza ta’ rebħiet konsekuttivi għal Newcastle United li kellhom jikkuntentaw b’punt wieħed biss mill-konfront ma’ Leeds United (0-0) f’St James Park.Il-Magpies – li jinsabu t-tielet fil-klassifika – attakkaw għal ħinijiet twal iżda ma setgħux jiżblukkaw ir-riżultat u għaldaqstant ma kisbux is-seba’ rebħa infila fil-kampjonat. Il-gowlkiper ta’ Leeds, Illan Meslier, salva tajjeb fuq it-tentattivi ta’ Chris Wood and Fabian Schar, bil-Magpies ikomplu jagħfsu għall-gowl tul it-tieni taqsima u fejn huma baqgħu frustrati sal-aħħar. Madankollu, Newcastle għadhom mingħajr telfa wara tnax-il konfront – u meta din is-sekwenza tmur lura għal Awwissu.
//= $special ?>