Internazzjonali

Il-Covid fiċ-Ċina: Insistenza biex Beijing jaqsam id-data dwar l-impatt tal-virus

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tinsisti biex l-uffiċjali fiċ-Ċina jaqsmu aktar informazzjoni ‘real time’ dwar il-Covid-19 fil-pajjiż, u fi żmien meta sparaw ‘il fuq l-infezzjonijiet lokalizzati.

Iċ-Ċina, fl-aħħar ġimgħat,. neħħiet ħafna mir-restrizzjonijiet għall-movimenti tan-nies iżda hu minnu wkoll li l-infezzjonijiet fil-pajjiż żdiedu, b’numru ta’ pajjiżi qegħdin jagħmlu screening għan-nies li qegħdin jivvjaġġaw lejn arthom mill-artijiet Ċiniżi.

L-Uffiċjali tal-WHO issa qed jgħidu li jridu jaraw aktar data dwar il-pazjenti bil-Covid li qed ikunu trattati fl-isptarijiet u fit-taqsimiet għall-kura intensiva fiċ-Ċina. Fl-istess ħin, il-WHO trid tara r-rata tal-imwiet minn din il-mewġa ġdida tal-Covid flimkien ma’ data dwar it-tilqim li ngħata s’issa lill-poplu Ċiniż.

L-Istati Uniti, Spanja, Franza, il-Korea t’Isfel, l-Indja, l-Italja, il-Ġappun u t-Tajwan kollha imponew it-testijiet tal-Covid għat-turisti u nies oħrajn li ġejjin miċ-Ċina minħabba l-potenzjal li l-virus jinfirex mill-ġdid madwar id-dinja. Intant, il-passiġġieri kollha li jridu jsiefru lejn l-Ingilterra miċ-Ċina iridu jipproduċu bilfors ‘negative test’ qabel jitilgħu fuq l-ajruplan