Ħafna Maltin kienu qed jistennew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ sena ġdida fil-belt kapitali ta’ pajjiżna bit-tradizzjonijiet li konna ngawdu minnhom qabel il-Covid-19… u ma jistax jonqos li fost dawn it-tradizzjonijiet wieħed ifittex b’mod speċjali n-nar tal-ajru.
Iżda wara li fl-aħħar jiem kien konfermat li mhux se jkun hemm xogħol pirotekniku minħabba nuqqas ta’ fondi, il-Gvern Laburista sab biżżejjed fondi biex jingħataw lid-distrett tal-Ministru tat-Turiżmu, Clayton Bartolo.
Meta ġie mistoqsi minn Net News, il-Ministru l-ewwel ikkonfermalna dan in-nuqqas fil-Belt. Imbagħad, ikkonferma li se jkun hemm nar fid-distrett tiegħu filwaqt li farfar mir-responsabbiltà ta’ dan kollu.
Eluf ta’ turisti jiġu ta’ kull sena għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet fil-belt kapitali… b’ħafna qed iqisu dan in-nuqqas bħala diżappunt… għalkemm il-Ministru jaħsibha mod ieħor.
Ironikament, waqt żjara li l-Ministru għamel, it-tmexxija ta’ waħda mill-lukandi f’pajjiżna qalu kif anke huma se jkollhom in-nar tal-ajru mat-tokki ta’ nofsillejl… iżda il-Belt Valletta se tkun nieqsa minn dan.
Skomdu mmens bil-mistoqsijiet, il-Ministru qal li wieħed jista’ jmur postijiet oħra biex igawdi… bil-Belt tintesa kompletament.