Internazzjonali

Imut il-Papa Benedittu XVI

Il-Vatikan jinsab f’luttu wara l-aħbar tal-mewt tal-Papa Benedittu XVI fl-età ta’ 95 sena.

Kien il-Papa Franġisku innifsu stess li waqt l-aħħar Udjenza Ġenerali għal din is-sena appella għal talb specjali minhabba li saħħet Ratzinger marret lura ferm.

Minkejja l-kundizzjoni serja ta’ saħtu, li għal jiem sħaħ kien qed ibati minn problemi respiratorji, il-Papa Benedittu rrifjuta li jkun rikoverat fi sptar. Fil-fatt, il-Papa baqa’ sal-aħħar mumenti fir-residenza tiegħu jingħata kura medika minn numru ta’ tobba.

Il-Papa Benedittu XVI jibqa’ magħruf bħala l-ewwel Papa Ġermaniż f’1,000 sena. Huwa kien ħa post il-Papa Ġwanni Pawlu II fid-19 t’April tal-2005 fejn dam f’dan l-irwol ta’ Kap tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan għal tmien snin.

Fl-età ta’ 86 sena, il-Papa Benedittu XVI kien għażel li jħalli warajh it-tmexxija tal-Knisja Kattolika Rumana hekk kif ħass li saħtu kienet sejra wisq lura. B’dan il-pass, hu tniżżel fl-istorja bħala l-ewwel Papa f’600 sena li rriżenja minflok għażel li jibqa’ jmexxi sal-aħħar ta’ ħajtu.

Meta rtira fl-2013, Benedittu XVI baqa’ jgħix fl-istat tal-Vatikan fil-monasteru Mater Ecclesiae. Huwa għex ħajja privata u f’okkażjonijiet rari deher mal-Papa Franġiku.

Għal deċenji sħaħ, meta jmut Papa jilħaq minflok dak li jissejjaħ camerlengo, li bħalissa qed jaqdi dan l-irwol il-Kardinal Kevin Farrel. Dan iseħħ meta l-Papa l-jmut iħalli post vakant u b’hekk ikun jeħtieġ xi ħadd ieħor biex imexxi l-Vatikan.

Normalment, l-irwol ta’ camerlengo jkun wieħed importanti ferm f’dan il-mument hekk kif jikkonferma uffiċjalment il-mewt tal-Papa billi jħabbat tliet darbiet b’martell żgħir tal-fidda u jsejjaħ ismu. Huwa jissovelja wkoll il-qerda taċ-ċurkett tal-Papa u jissiġilla l-appartamenti papali, filwaqt li jorganizza l-funeral u jħejji għall-konklavi sabiex jiġi elett Papa ieħor.

Madanakollu, peress li l-Papa Franġisku ilu s-snin li ħa post il-Papa Benedittu XVI, f’dan il-każ post vakant m’hemmx. U b’hekk, mhux magħruf issa x’se jkun l-irwol tal-camerlengo f’din is-sitwazzjoni.

Ġeneralment, il-funeral papali jkun ippresedut mid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, il-Kardinal Giovanni Battista Re. Iżda f’dan il-każ huwa mistenni li jmexxi l-funeral il-Papa Franġisku. Ġeneralment, iċ-ċerimonja ssir jew fil-Bażilika ta’ San Pietru jew fil-pjazza tal-Vatikan.

Ix-xewqa ta’ Benedittu XVI kienet li jindifen fil-qabar li kien tal-predeċessur tiegħu, il-Papa Ġwanni Pawlu II, qabel ma kien ġie kkanonizzat u mċaqlaq f’post ieħor fil-Vatikan.

Dettalji dwar il-funeral ta’ Benedittu XVI għadhom mhux ċari hekk kif wara r-riżenja tiegħu il-Knisja Kattolika qatt ma speċifikatx x’se jsir f’każ li jmut. Lanqas hu magħruf jekk hux se jingħata funeral statali.