Lokali

“Inkomplu nimxu ‘l quddiem b’determinazzjoni favur l-unità” – Roberta Metsola

“Flimkien irnexxielna ngħelbu sfidi li ħadd qatt ma ħaseb li se jirnexxilna, iżda mhux talli irnexxilna, talli għamilna dan malajr u b’mod effettiv. Fis-sena 2023 neħtieġu nkomplu nixmu ‘l quddiem b’determinazzjoni favur l-unità.”

Kien dan il-messaġġ ewlieni li wasslet il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola f’messaġġ għas-sena l-ġdida.

Roberta Metsola għamlet referenza diretta għall-ġlied ma jaqta’ xejn bejn l-Ukrajna u r-Russja… liema ġlieda qed iwassal biss għal tbatija ta’ eluf ta’ familji sħaħ. Madanakollu, il-President tal-Parlament Ewropew saħqet kif tinsab determinata li Unjoni Ewropea maqgħuda se twassal għall-għaqda.

“Il-passat, b’mod speċjali dak li għaddejna minnu din is-sena, uriena li l-Unjoni Ewropea kapaċi toħroġ minn xi kriżi b’saħħitha u magħquda iktar minn qatt qabel. U allura konvinta li flimkien se jirnexxilna,” qalet Roberta Metsola.

Il-President tal-Parlament Ewropew tkelmet ukoll dwar l-isfidi li pajjiżi Ewropew qed jgħaddu minnhom ta’ kuljum. Fost dawn hemm l-inflazzjoni, il-qerda tal-ambjent, u l-protezzjoni tal-valuri tad-demokrazija, ġustizzja u s-solidarjetà.

“Irridu nassiguraw li l-ekonomija, l-ambjent u s-sigurtà jingħataw importanza ugwali,” qalet Roberta Metsola.

Ma jistax jonqos li Roberta Metsola awgurat li s-sena l-ġdida ġġib magħha paċi u għaqda mhux biss bejn il-pajjiżi membri imma wkoll bejn il-pajjiżi kollha tad-dinja.

“Nawgura li l-Ewropa tuża’ l-poter tagħha biex tikber tant li ġġib bidla pożittiva,” qalet Roberta Metsola. “Li l-Unjoni Ewropea tkun kapaċi tindirizza sfidi li taffaċja fil-futur. Iżda b’mod speċjali, tfakkarna li bħala Ewropew hemm ħafna affarijiet li jgħaqqduna minflok jifirduna minn ma’ xulxin.”