Internazzjonali

Kif kienet it-tfulija ta’ Papa Benedittu XVI?

Il-ħajja ta’ Papa Benedittu XVI kienet ikkulurita mhux ftit.

Benedittu XVI twieled fis-16 t’April tal-1927 f’Marktl am Inn, il-Ġermanja u ngħata l-isem ta’ Joseph Alois Ratzinger.

Huwa kien l-iżgħar fost tliet aħwa, b’missieru kien Pulizija filwaqt li ommu kienet taħdem bħala kok f’lukanda.

Il-bidu ta’ ħajtu kienet pjuttost sempliċi… sakemm in-Nażi ħadu l-poter taħt idejhom fil-Ġermanja meta Ratzinger kellu biss sitt snin.

Il-ġenituri ta’ Ratzinger kienu Kattoliċi tant li fl-1939, it-tgħalim tagħhom wassal biex Ratzinger jibda bit-tgħalim għall-qdusija tiegħu.

Madanakollu, bejn l-1941 u l-1942, meta Ratzinger kien għadu fiż-żgħożija tiegħu, hu kien sfurzat li jifforma parti minn organizzazzjoni ewlenija mmexxija mill-Partit tan-Nażi. Dan sakemm fl-1943, hu kellu jingħaqad mal-militar Ġermaniż fejn għal sentejn sħaħ serva fil-Bavaria u fl-Ungerija.

Wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, Ratzinger kompla bl-istudju tiegħu fis-seminarju fejn ġie ordnat qassis f’Ġunju tal-1951.

Fl-1953, huwa ġab id-Dottorat fl-istudju tat-Teoloġija mill-Università ta’ Munich. Mill-1957 ‘il quddiem, Ratzinger beda karriera akkademika twila bħala għalliem tat-Teoloġija.

Bejn l-1963 u l-2013, il-Papa Benedittu XVI kiteb iktar minn 60 ktieb, b’Benedittu qies lilu nnifsu bħala professur u persuna li qatta’ ħajtu jirrifletti dwar mistoqsijiet spiritwali. Papa Franġisku kien faħħar ix-xogħol tiegħu filwaqt li qies l-istudju tiegħu bħala xogħol li għadu applikabbli sal-lum.

Ix-xogħol tiegħu fit-Teoloġija ġibdet l-attenzjoni tal-Arċisqof ta’ Cologne, Joseph Frings tant li talab lil Ratzinger biex iservi fit-Tieni Kunsill tal-Vatikan bejn l-1962 u l-1965.

Fl-1977, Ratzinger ġie appuntat bħala Arċisqof ta’ Munich u Freising, fejn tliet xhur wara ħa l-irwol ta’ Kardinal.

Biex imbagħad, fl-1978 hu beda jservi ta’ prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, fejn baqa’ jservi f’dan l-irwol sakemm inħatar bħala Papa.

Il-passat tiegħu baqa’ jiġri warajh hekk kif anke meta Ratzinger sar Papa, diversi persuni ma ħadux gost li Kardinal Ġermaniż se jkun qed jieħu dan l-irwol. Iżda maż-żmien, il-Papa Benedittu XVI seraq il-qlub ta’ ħafna.