Internazzjonali

L-Italja: Żagħżugħ jitlef ħajtu wara li binja ħadet in-nar

Persuna tilfet ħajjitha u tnejn oħra qed isofru minn xi ġrieħi wara li bini ħa n-nar f’Udine fl-Italja.

Kien għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu tas-Sibt, meta tqajjem l-allarm mill-ġirien li hemm binja qed taqbad.  Hekk kif in-nar ħakem it-tieni sular u s-saqaf tal-bini, numru ta’ persuni saħansitra qabżu mit-twieqi iżda oħrajn spiċċaw inqabdu fin-nirien… b’żagħżugħ Albaniż spiċċa jitlef ħajtu.

Il-forzi tal-ordni ġew imseħja immedjatament u fil-pront intbagħtu anke żewġ ambulanzi kif ukoll air ambulance li ħadet lil żagħżugħ ta’ 16-il sena mill-Ghana, f’ċentru tas-saħħa f’Verona fejn ġie ċċertifikat li qiegħed f’qagħda gravi kawża ta’ ħruq li ġarrab.

It-tieni persuna li tieħu ħsieb il-faċilità, sofriet ukoll minn xi ħruq u tinsab rikoverata l-isptar ta’ Udine. Għad mhux magħruf x’wassal biex din il-binja tieħu n-nar, bl-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.