Futbol Sport

Liverpool jirbħu b’żewġ autogoals ta’ Wout Faes

Fl-Ingilterra programm sħiħ ta’ tmiem u l-bidu tas-sena l-ġdida, programm li beda lbieraħ bl-ewwel żewġ logħbiet, fejn kellna r-rebħiet ta’ Liverpool fuq Leicester f’Anfield u dik ta’ Brentford li fil-London Stadium għelbu lil West Ham.

Liverpool telgħu fis-sitt post tal-klassifika bir-raba’ rebħa konsekuttiva tar-Reds, rebħa pjuttost imqanżħa fuq Leicester City, rebħa li ġiet ukoll grazzi għal żewġ autogoals ta’ Faes.

Leiecster City fetħu l-iskor kmieni fil-logħba permezz ta’ Dewsbury-Hall, iżda fit-38 minuta wasal il-gowl tad-draw meta Faes f’attentat li jikklerja xeħet fix-xibka tiegħu stess. Seba’ minuti wara xutt ta’ Darwin Nunez jaħbat mal-lasta u inkredibilment reġa’ kien Faes li xeħet fix-xibka tiegħu stess għal dak li kellu jkun il-gowl tar- rebħa.

Brentford komplew javanzaw u issa bis-saħħa tar-rebħa fuq il-Hammers jinsabu fid-disa’ post tal-klassifika.

Għal kuntarrju, għal West Ham tkompli tikber il-kriżi ta’ riżultati fejn dawn sofrew żewġ telfiet konsekuttivi wara l-waqfa għat-Tazza tad-Dinja u issa verament jinsabu qrib iz-zona relegation.
Brentford wara l-prestazzjoni tajba kontra Spurs f’Boxing Day, wirja oħra tajba f’Londra fejn aċċertaw mit-tliet punti b’żewġ gowls fl-ewwel taqsima skorjati minn Toney u Dasilva.

Il-kampjonat Premier ikompli llum b’sitt logħbiet oħra filwaqt li għada nhar l-ewwel tas-sena jkollna żewġ logħbiet oħra.

Fil-logħbiet tal-lum il-leaders Artsenal għandhom l-iktar konfront diffiċli mit-timijiet ta’ fuq.
Il-Gunners imorru għand Brighton, tim li jista’ joħloq diversi problemi għat-tim immexxi minn Arteta.
L-insegwituri tal-Gunners jittamw f’xi żelqa tal-leaders fl-aħħar logħba tas-sena biex inaqqsu d-distakk.

Manchester City, Newcatle United u Manchester united m’għandhomx ifallu hekk kif fuq il-karta jidher li għandhom l- iktar logħbiet ħfief.
Manchester City m’għandux ikollhom problemi kontra Everton li jinsabu f’diffikulta fin-naħa t’isfel tal-klassifika, u t-telfa li sofrew f’Boxing Day fl-aħħar sekondi kontra Wolves, kompliet tgħarraq is-sitwazzjoni diffiċli tagħhom.

Newcatsle United ukoll mistennija li jkomplu għaddejjin bil-forma brillanti tagħhom fejn fl-aħħar ħarġa tagħhom it-tim ta’ Eddie Howe ġab fix-xejn lil Leicester bi tliet gowls fl-ewwel taqsima.

Leeds ukoll jinsabu fil-periklu tar-relegation u minkejja li għamlu li setgħu kontra Manchester City fl-aħħar ħarġa tagħhom, kien evidenti d-differenza kbira li hemm bejn iż- żewġ timijiet.

Kien il-bravu goalkeeper Franċiż Meslier li b’diversi saves spettakolari ċaħħad lil Haaland u sħabu minn rebħa ferm ikbar f’Elland Road.

Manchester United ikomplu fit-triq it-tajba issa li ħelsu għal kollox mill-inkwiet ta’ Cristiano Ronaldo anki jekk se jmorru għand Wolves li jinsabu b’moral għoli wara r-rebħa fl-aħħar nifs li kisbu f’Goodison park kontra Everton.

Fil-logħbiet ta’ għada ż-żewġ timijiet minn Londra Tottenham Hotspur u Chelsea wkoll m’għandhomx ifallu milli jiksbu l-punti kontra Aston Villa u Nottingham Forest rispettivament.

Riżultati

West Ham v Brentford 0-2

Liverpool v Leicester 2-1

Illum

13:30 Wolves v Man Utd

16:00 B’mouth v C. Palace

16:00 Fulham v Southampton

16:00 Man City v Everton

16:00 Newcastle v Leeds

18:30 Brighton v Arsenal

Għada

15:00 Tottenham v Aston Villa

17:30 Nottingham v Chelsea