“Il-Mulej jbierek il-poplu ta’ Malta u Għawdex kollu.”
Kien b’dan il-mod li l-Papa Benedittu XVI beda ż-żjara tiegħu f’pajjiżna lura fis-17 ta’ April tal-2010… l-ewwel u l-unika żjara tiegħu f’Malta li kienet damet għal madwar 26 siegħa.
Il-Papa Emerit kien wasal f’pajjiżna fuq it-titjira AZ4000 tal-Alitalia minn Ruma fil-5 ta’ wara nofsinhar… fejn minnufih kienet ingħatat bidu għaċ-ċerimonja tal-wasla. Hu kien intlaqa’ mill-għola awtoritajiet tal-pajjiż ta’ dak iż-żmien – milll-President ta’ Malta George Abela, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, u l-membri tal-kabinett u l-isqfijiet.
Wara li ndaqqu l-innu tal-vatikan kif wkoll l-innu Malti, immedjatament wara wasal l-ewwel diskors tal-Papa f’dan il-vjaġġ.
Fl-ewwel diskors tiegħu, huwa kien għamel sejħa ċara u qawwija lill-poplu Malti, favur iż-żwieġ u l-familja.
Huwa kien qal li l-George Cross fuq il-bandiera nazzjonali Maltija jixhed bi kburija l-kuragg kbir tal-poplu Malti waqt il-granet mudlama tal-ahhar gwerra dinjija.
Kien ftit wara s-sitta neqsin kwart, x’ħin intemmet iċ-ċerimonja uffiċjali ta’ merħba, li l-Pope Mobil bdiet bl-ewwel vjaġġ tagħha fit-toroq Malti biex ingħata bidu għal din l-ewwel żjara apppostolika tal-Papa Benedittu VXI f’pajjiżna.
L-ewwel ġurnata taż-żjara tal-Papa f’pajjiżna kienet intemmet bi żjara fil-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, fejn il-Papa – fil-knisja ta’ San Pawl – iltaqa’ mal-missjunarji imbagħad sellem lill-pubbliku. Wara hu kien baqa’ sejjer lejn in-Nunzjatura Appostolika tal-Virtu fejn qatta’ l-lejl hemmhekk.
It-tieni jum tal-Papa Benedittu beda b’Quddiesa Pontifikali fuq il-Fosos tal-Furjana li għaliha attendew eluf ta’ nies.
Hu interessanti li wieħed isemmi li Papa Benedittu XVI, għal xi raġuni jew oħra, kien għażel li ma jżurx il-gżira Għawdxija iżda minflok, waqt il-quddiesa ġie ppreżentat bil-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu. Hemmhekk, huwa kien poġġa quddiem il-kwadru fjura tad-deheb b’tifkira għall-okkażjoni.
Tard wara nofsinhar, l-Papa Benedittu kien mar il-Kalkara u beda vjaġġ bil-baħar fil-Port il-Kbir, mix-xatt tal-Kalkara lejn il-Valletta Waterfront fejn hemmhekk kellu laqgħa maż-żgħażagħ. Iktar tard fil-ġurnata, il-Papa Benedittu kien sellem lil dawk kollha li attendew għat-tluq tiegħu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bejn beda triqtu lura lejn Ruma.
