L-2022 kienet is-sena li fiha l-popolazzjoni globali qabżet it-tmien biljuni, meta parti mill-Ewropa reġgħet daħlet fi gwerra imdemmija, meta diversi zoni tad-dinja esperjenzaw temperaturi estremi. Is-sena li fiha sellimna lir-Regina Elizabetta II, u s-sena li fiha assistejna għall-ewwel Tazza tad-Dinja f’pajjiż Għarbi.
Din kienet is-sena li fiha bdejna naraw in-normalità ta’ wara l-Covid…. b’mijiet ta’ nies jinġabru barra fil-pjazzez u taħt it-tined tal-partiti politiċi wara il-kampanja elettorali…bil-miżuri jitneħħew għal kollox matul ix-xahar ta’ Mejju, għajr għal-ilbies tal-maskri fl-isptarijiet u r-residenzi tal-anzjani.
L-elezzjoni ġenerali rebaħha l-Partit Laburista, b’maġġoranza qawwija – b’elf wegħda li jrid iwettaq. Iżda f’dawk l-elf wegħda li l-poplu vvota b’maġġoranza għalihom…il-Gvern ma kellux mandat li jdaħħal l-abort f’pajjiżna – kontroversja li spikka matul l-aħħar ġimgħat tas-sena, u li mistennija tiddomina anke l-2023.
Matul is-sena sfortunatament f’pajjiżna kellna 7 omiċidji, 3 minnhom femiċidji – tnejn minn dawn huma żewġ każi ta’ vjolenza domestika, bil-vittmi jkunu żewġ nisa Rita Ellul u Bernice Cassar.
Tul din is-sena Malta u Għawdex raw rekord ta’ imwiet fit-toroq kawża ta’ inċidenti ta’ traffiku – 25 fatalità filwaqt li tilfu ħajjithom 15-il persuna oħra waqt li kienu fuq il-lant tax-xogħol.
Fit-18 ta’ Jannar 2022 – il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista, Roberta Metsola ġiet eletta bħala l-President tal-Parlament Ewropew b’mandat sal-2024.
Filwaqt li Malta u Għawdex kburin b’din il-kisba bla ebda preċedent għal politiku Malti – ċertament li dan ma kienx perjodu faċli għal Metsola hekk kif…ftit aktar minn xahar wara – il-President Russu Vladimir Putin invada lill-Ukrajna, u ngħata bidu għall-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa. Gwerra li sal-lum sfortunatament għadha għaddejja.
B’Metsola żżur lill-President Ukren Volodymyr Zelensky f’Kiev u tisħaq li hi ma kienet se tbaxxi rasha qatt għal Putin.
Ċertament wieħed mill-aktar pajjiżi li għadda minn bidliet drastiċi kien ir-Renju Unit li filwaqt li għadu frisk mill-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea ra bidla fit-tmexxija tiegħu minn diversi lati. Matul l-2022 r-Renju Unit ra xejn inqas minn 3 Prim Ministri…Boris Johnson, Liz Truss u Rishi Sunak.
Iżda żgur li spikkat il-mewt tar-Reġina Eliżabetta II fit-8 ta’ Settembru fl-età ta’ 96 sena – bis-suċċessur tagħha jkun binha Charles – ir-Re Karlu it-Tielet.
Bis-sena tagħlaq b’togħma sportiva hekk kif għall-ewwel darba, l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja saret fix-Xitwa – fil-Qatar bir-rebbieħa jkunu l-Arġentina wara li għelbu lil Franza wara l-għotji tal-penalties fil-Finali..ġimgħa qabel il-Milied.