Żagħżugħ ta’ 27 sena residenti Ħ’Attard jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident fi Triq Oliver Agius, Ħ’Attard.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2:15am.
Fil-post issejħet l-assistenza tal-Pulizija fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li s-sewwieq tilef il-kontroll tal-karozza u baqa’ dieħel f’ċint mal-ġenb tat-triq.
Tim mediku b’ambulanza mar fil-post fejn wara li tawh l-ewwel għajnuna, huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għal iktar kura. Hemmhekk hu ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Dan huwa t-tielet inċident li seħħ f’din il-parti tas-Central Link minn mindu tlestiet. Fl-14 ta’ Settembru kien seħħ inċident simili, din id-darba b’mutur, fejn is-sewwieq tilef il-kontroll u baqa’ dieħel f’ħajt.