Internazzjonali Knisja

Il-Papa Franġisku jappella għall-paċi fid-dinja fl-awgurju ta’ sena ġdida

“L-għajta madwar id-dinja hija waħda, minn kull ġens u nazzjon: Le għall-gwerra! Le għall-impenn lejn l-armi! Ir-riżorsi użati f’din il-gwerra demmija minflok għandhom jintużaw għall-iżvilupp, is-saħħa, l-ikel, l-edukazzjoni u x-xogħol tal-popli milquta.”

Kliem il-Papa Franġisku waqt l-Angelus quddiem eluf ta’ pellegrini miġbura f’Pjazza San Pietru, fil-Belt tal-Vatikan li quddiemhom tenna l-appoġġ tiegħu biex isir kull sforz meħtieġ biex jieqfu l-gwerer, mhux biss fl-Ukrajna iżda anki madwar id-dinja, għaliex il-gwerra ħlief kultura ta’ mewt u qerda ma ġġibx.

Franġisku ħeġġeġ lill-Insara biex ma jitilfux it-tama għall-paċi għaliex kien Ġesù Kristu li fetaħ it-triq għall-paċi u għalhekk, bħalma l-pandemija urietna li ħadd ma jista’ jsalva lilu nnifsu waħdu, bi sforz kollettiv nistgħu nsibu mogħdijiet għall-paċi fid-dinja.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika kien qed iwassal l-awguri għas-sena l-ġdida lill-għexieren ta’ eluf ta’ persuni miġbura fi Pjazza San Pietru u l-miljuni ta’ Nsara madwar id-dinja, li segwew il-messaġġ tiegħu għas-Solennità ta’ Marija Omm Alla fil-Jum Dinji għall-Paċi.

L-Insara għandhom idawru ħarsithom lejn Marija tieħu ħsieb lil binha Ġesù u nitgħallmu nieħdu ħsieb lil xulxin, anki lilna nfusna, kemm għas-saħħa tal-bniedem, il-ħajja spiritwali kif ukoll li nagħmlu karità mal-proxxmu.

Il-bniedem irid juża l-ħin tajjeb, kompla l-Papa, sabiex nieħdu ħsieb ruħna, il-ħolqien, il-ġirien u l-proxxmu fil-bżonn għall-ħniena u l-karità. L-Insara għandhom jaffaċċjaw il-kriżijiet tal-ħajja, speċjalment it-traġedja tal-gwerra bi spirtu ta’ responsabbiltà, kompassjoni u solidarjetà u jħarsu aktar mill-qrib lejn dawk fil-bżonn b’simpatija, temm jgħid il-Papa Franġisku.

Kien fl-1967 li l-Beatu Papa Pawlu VI ddikkjara l-ewwel jum tas-sena bħala l-Jum Dinji tal-Paċi, li serva bħala okkażjoni annwali għall-Papiet biex il-Knisja toħloq kuxjenza u tappella għall-paċi u l-ġustizzja. Dan wara li l-Kunsill ta’ Efesu fis-sena 431 ipproklama d-Domma ta’ Marija Omm Alla.