Ewropa Internazzjonali Unjoni Ewropea

Il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tgħaddi f’idejn l-Iżvezja

Mat-tokki ta’ nofsilejl tal-Ħadd l-1 ta’ Jannar, fost ċelebrazzjonijiet fi Stokkolma u għadd ta’ bliet oħra madwar il-pajjiż biex jilqgħu s-sena l-ġdida, l-Iżvediżi laqgħu ukoll il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew għall-ewwel sitt xhur tas-sena 2023, titlu mgħoddi lilha mir-Repubblika Ċeka.

L-għan tal-Gvern Żvediż f’din il-Presidenza huwa li juri kif l-unità Ewropea hija s-sisien għal aktar sigurtà reżiljenza u prosperità.

Għalhekk, il-prioritajiet tal-Presidenza Żvediża għall-ewwel nofs ta’ din is-sena se jkunu s-sigurtà permezz tal-unità, ir-reżiljenza billi tippromwovi l-kompetività, il-prosperità billi tara li tintlaħaq it-trażizzjoni għal enerġija aktar ħadra kif ukoll il-valuri demokratiċi u s-saltna tad-dritt.

Il-Gvern Żvediż, immexxi mill-Prim Ministru, Ulf Kristersson, se jkun qed imexxi ħidmet il-Kunsill Ewropew u jirrapreżenta lis-27 membru stat tal-Unjoni Ewropea f’negozjati ma’ istituzzjonijiet Ewropej oħra.

B’kollox, il-Presidenza Żvediża se tmexxi mal-2,000 laqgħa fi Brussel u l-Lussemburgu filwaqt li madwar 150 laqgħa informali se jsiru f’diversi bliet u rħula fl-Iżvezja.

Meta kien indirizza l-prijoritajiet tal-Presidenza Żvediża lir-Riksdag, li huwa l-Parlament tal-pajjiż, lura fl-14 ta’ Diċembru li għadda, il-Prim Ministru Kristersson stqarr  kif pajjiżu se jkun qed jieħu l-Presidenza fi żmien meta l-Unjoni Ewropea qed taffaċċja sfidi bla preċedent u kien għalhekk li għall-qafas tal-prijoritajiet magħżula, jixtiequ jaraw Ewropa aktar ħadra, sigura u ħielsa.

Din hija t-tielet darba li l-Iżvezja se tkun tieħdu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew biex imbagħad fl-1 ta’ Lulju li ġej, Spanja tieħu f’idejha t-tmexxija għall-aħħar nofs tas-sena 2023.