Ejjew niċċelebraw l-imħabba kbira li jaf juri l-poplu Malti.
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta flimkien ma’ martu AnneMarie, kien mistieden għall-Festa ta’ Ġenerożità – maratona ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar tal-Providenza fejn inġabret is-somma ta’ €1,445,665.
“Xi tfisser festa? Festa tfisser li niċċelebraw. Ejjew niċċelebraw l-imħabba kbira li jaf juri l-poplu Malti. B’din il-ġurnata qed nibdew sena ġdida…u f’din l-ewwel ġurnata qed nuru l-imħabba tagħna lejn dawn il persuni, ħutna, li qegħdin jgħixu fid-Dar tal-Providenza u għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.“
Bernard Grech qal li din hi ġurnata li fiha nuru l-imħabba tagħna lejn ħutna r-residenti f’din id-Dar u kemm hi sabiħa li nuru solidarjetà ma’ xulxin. Filwaqt li rringrazzja lil Fr Martin Micallef – Direttur tad-Dar, l-istaff u l-voluntiera kollha tad-Dar għax-xogħol kollu li jagħmlu, huwa appella sabiex bħala poplu wieħed magħqud, ilkoll kemm aħna nagħmlu l-parti tagħna biex inkomplu ngħinuhom u nsostnuhom f’din il ħidma.
“Għal darba oħra l-poplu Malti u Għawdxi reġa’ wera s-solidarjetà tiegħu mad-Dar tal-Providenza.
Il-fondi miġbura se jgħinu lid-Dar tkompli tipprovdi servizzi residenzjali ta’ kwalità lil 115-il persuna b’diżabilità li jgħixu fid-djar tagħha. Barra minn dan, id-Dar se tkun qed ittejjeb l-ambjent li fih jgħixu r-residenti f’Villa Papa Giovanni fis-Siġġiewi fejn se jkun qed isir xogħol ta’ rinovar estensiv.”
Dan qalu Fr Martin, fl-għeluq ta’ maratona televiżiva ta’ tnax-il siegħa. Huwa żied jgħid li jalla li s-solidarjetà li ntweriet fl-ewwel tas-sena mad-Dar tal-Providenza tibqa’ tintwera matul is-sena kollha ma’ dawk fis-soċjetà Maltija li jeħtieġu l-appoġġ.
Mistednin taħt it-tinda kien hemm ukoll, fost l-oħrajn, il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella, Mons. Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi u l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.
Attendew ukoll għadd ta’ ministri u membri parlamentari, personalitajiet distinti u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.
//= $special ?>