Lokali Qorti

Anzjan jinżamm arrestat b’rabta ma’ allegat attentat ta’ qtil

Anzjan ta’ 66 sena nżamm arrestat b’rabta ma’ każ ta’ allegat attentat ta’ qtil f’Raħal Ġdid nhar is-Sibt li għadda. Martin Delia tressaq tard it-Tnejn filgħaxija mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ raġel ta’ 57 sena residenti Raħal Ġdid li sofra minn ġrieħi gravi wara sparatura waqt argument, li seħħet f’zona qrib iċ-ċimiterju tal-Addolorata.

Huwa ġie mixli wkoll fost oħrajn li kkaġuna ferita gravi fuq il-vittma li ma kellux liċenzja ta’ arma tan-nar. Il-vittma ġarrab ġrieħi f’wiċċu wara li allegatament intlaqat minn ċomb li kien sparat mill-arma tan-nar. L-argument seħħ għall-ħabta tal-10:30am. f’xi għelieqi fl-akkwati ta’ Vjal Santa Luċija f’Raħal Ġdid.

Allegatament huwa spara lir-raġel minn distanza ta’ ħames metri u wara ddistruġġa filmati tas-CCTV biex jelimina prova dwar l-inċident. Id-difiża argumentat li Delia għandu jingħata l-pleġġ peress li fost affarijiet oħra għandu kondotta nadifa, saħħtu mhux waħda feliċi, u dan peress li jinsab fl-aħħar stadju ta’ marda, u li qed qed ibati minn nuqqas ta’ dawl.

“Postu mhuwiex il-ħabs,” qal l-Avukat Josè Herrera, li argumenta li l-klijent tiegħu se jkun qed jobdi kull kundizzjoni iebsa mogħtija mill-Qorti. L-Avukat Kylie Bonnett mill-uffiċċju tal-AĠ opponiet bil-qawwa kollha t-talba għall-ħelsien mill-arrest, u dan għax qalet li l-każ huwa wieħed ferm serju, u li fatt li l-vittma joqgħod fejn l-akkużat, li identifikah bħala l-persuna li sparatlu.

Il-Maġistrat Astrid May Grima ma laqgħetx it-talba għall-pleġġ, wara li qalet li l-każ huwa wieħed gravi u li għad baqa’ xhieda pajżana li għad jonqoshom jiddeponu fil-Qorti. Fil-fatt li tat każ tal-qagħda prekarja ta’ saħħet Delia, l-Qorti tat struzzjonijiet lid-Direttur tal-ħabs biex jiżgura li l-akkużat jingħata l-kura meħtieġa.

Il-vittma wkoll minn Raħal Ġdid, u li huwa ġar tal-akkużat qatt ma kien fil-periklu tal-mewt kien ingħata l-assistenza min tim mediku u aktar tard ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi. Raġel ta’ 30 sena li jiġi iben l-anzjan kien ukoll arrestat fuq il-post, biż-żewġt irġiel jiġu interrogati fid-Depot tal-Pulizija. Madankollu iben l-akkużat inħeles mill-Pulizija.

L-akkużat tressaq quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Antonello Magri bil-prosekuzzjoni titmexxa wkoll mill-Avukati Kaylie Bonett u Nathaniel Falzon mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għalih deheru l-Avukati Josè Herrera, Jacob Magri, Matthew Xuereb u Daniel Attard. L-Avukat Franco Debono deher għal l-allegat vittma u l-familjari tiegħu.