Futbol Sport

Brentford jagħtu l-ħames telfa tal-kampjonat lil Liverpool

(Ritratt: EPA)

Fil-Gtech Community Stadium Brentford għelbu lil Liverpool 3-1.

Riżultat ieħor sorpriża fil-Kampjonat Premier li wassal għal ħames telfa ta’ Liverpool fil-Kampjonat u fl-istess waqt bit-tlett punti mirbuħa Brentford telgħu fis-seba’ post fejn b’26 punt qabżu lil Fulham u Chelsea.

Minkejja li Liverpool kellhom 74 fil-mija pussess, fid-19 il-minuta kienu Brentford li marru fil-vantagg b’auto goal minn Ibrahima Konate li għeleb lil Alisson Becker. Fid-39 minuta kien Yoane Wissa li għeleb lil Alisson iżda l-gowl ma kienx ikkonvalidat bil-VAR minħabba offside.

Madankollu tliet minuti wara minn azzjoni ta’ Mathias Jensen l-istess Wissa bir-ras għeleb lil Alisson. 2-0 sa tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-48 minuta gowl ta’ Darwin Nunez għal Liverpool ma kienx ikkonvalidat minn Stuart Attwell wara li kkonsulta l-VAR sabiex fil-50 minuta kien Alex Oxale Chamberlain li minn pass ta’ Trent Alexander Arnold għeleb lil David Raya.
Fl-84 minuta Bryan Mbeumo approfitta minn nuqqas ta’ attenzjoni minn Konate biex għeleb lil Alisson għat 3-1.