Internazzjonali

Eluf isellmu lil Papa Benedittu XVI matul il-jum

Eluf ta’ persuni qed jinġabru fuq barra tal-Bażilika ta’ San Pietru, fl-istat tal-Vatikan biex isellmu l-memorja ta’ Papa Benedittu XVI.

Il-bieraħ, il-katavru tal-Papa Emeritu kien jinsab espost fil-kappella tal-monasteru Mater Ecclesiae, fejn qatta’ l-aħħar snin ta’ ħajtu.

Benedittu XVI miet fl-età ta’ 95 sena lejlet l-Ewwel tas-Sena wara li kien ilu ġimgħat sħaħ ibati minn problemi respiratorji.

Il-funeral tiegħu ser isir il-Ħamis filgħodu kkonċelebrat minn Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru… ċerimonja li mistennija tkun pjuttost sempliċi fuq xewqa ta’ Ratzinger stess.

Din se tkun l-ewwel darba li Papa se jkun qed jidfen Papa ieħor, hekk kif Benedittu XVI huwa l-ewwel Papa f’600 sena li kien għażel li jitlaq mill-pożizzjoni tiegħu minħabba li ħass li saħtu kienet sejra lura.

Ritratti: Joe Grima/Loridana Darmanin