Lokali

“Ġennewni… m’għandhomx jiċċajtaw mas-saħħa” – anzjan dwar mediċini out of stock

“Fejn tidħol is-saħħa, m’għandhomx jagħmlu dawn l-affarijiet. Iġennuk, iġennuk”

Telefonata wara l-oħra… persuna wara l-oħra… kollha jgħidulna l-istess kelma… il-mediċini li għandhom bżonn mhuma jsibuhom imkien minħabba li ilhom il-ġimgħat jekk mhux ix-xhur out of stock.

Din hi l-ħajja ta’ kuljum ta’ diversi persuni li jeħtieġu mediċini varji…

“Jien anzjan ta’ 77 sena,” qal l-anzjan. “Mort b’tal-linja għand l-ispiżjar għall-ointment li ġie ordnat għal mara tiegħi, u qalli li dan m’int se ssibu mkien ħlief Mater Dei.”

Meta dan l-anzjan, li l-identità tiegħu mhix se tissemma’ fuq talba tiegħu, wasal l-Isptar Mater Dei, hu sab kju ma jispiċċa qatt, b’persuni li ntbatu hemm biex jixtru mediċini li mhumiex isibuhom għand l-ispiżjara.

“Biex tinqeda trid tmur l-ewwel għand spiżjar, jittimbrahulek li m’għandhomx, tmur l-Isptar u jtuhulek – tixtrih mhux ituhulek, tixtrih,” qal l-anzjan.

Madanakollu, is-sitwazzjoni hi iktar ikkumplikata minn hekk. Minkejja li kulħadd magħraf dwar din is-sitwazzjoni ta’ mediċini out of stock, bil-Partit Nazzjonalista nnifsu ilu jappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni dwar dan, illum qabel għada… dan l-anzjan kellu jdur tliet spiżeriji biex iġib biżżejjed timbri sabiex jixtri l-mediċina mill-Isptar.

“Ħriġt mid-dar fit-7:45am u wasalt lura d-dar, il-Fgura, fil-5pm,” qal l-anzjan. “Biex ġibt din il-mediċina ara kemm ġrejt.”

Din hi mediċina waħda biss minn fost numru kbir ta’ mediċini oħra li huma out of stock. Pazjenta tal-kanċer li tkelmet ma’ Net News qaltilna li l-mediċina bl-isem ta’ Everolimus tinsab ukoll out of stock.

U bl-Isptar Mater Dei, minkejja li kull pazjent suppost ikollu brazzuletta li tindika li għandu allerġija għal xi ħaġa, dawn ilhom out of stock għal iktar minn xahar u nofs.

Il-Ministeru għas-Saħħa, suppost, ta’ kull ġimgħa jippublika lista ta’ mediċini out of stock iżda l-aħħar aġġornamenti dwar dan imorru lura għal kważi xahrejn.

Minn naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista kien talab li ssir laqgħa imma s’issa għad ma kien hemm l-ebda risposta mill-Gvern… bil-Gvern Laburista bħallikieu qed jipprova jaħbi l-verità dwar din il-problema li qed tolqot eluf ta’ Maltin u Għawdxin.

Dan hu l-istess Gvern li kien wiegħed li l-mediċini se jkunu qed jitwasslu sa wara l-bibien tan-nies… iżda llum lanqas biss qed jaslu sal-ispiżeriji.