Internazzjonali

Il-Brażil: Il-President ġdid iwiegħed biex ‘inessi l-istraġi tal-passat’

Luiz Inacio Lula da Silva ingħata l-ġurment bħala l-President tal-Brażil u fejn mal-ewwel wiegħed li se jnessi s-snin ta’ straġi u inċertezza li għadda minnu l-poplu  taħt it-tmexxija tal-eks President estremista, Jair Bolsonaro.

Din hi t-tielet darba li Lula da Silva – politiku veteran tax-xellug — qed jieħu t-tmun tal-Brażil u wara li hu kien mexxa diġà lill-Brażil bejn l-2003 u l-2010.

Intant, Lula da Silva rnexxielu jegħleb lil Bolsonaro fl-elezzjoni presidenzjali ta’ Ottubru u meta llum għad fadal is-sostenituri tal-eks-President li ma jridux jaċċettaw dan ir-riżultat.

Fl-ewwel diskors tiegħu wara l-inawgurazzjoni, il-President wiegħed li jerġa’ jibni lill-Brażil wara l-amministrazzjoni ta’ Bolsonaro li fissirha bħala waħda diżastruża. Lula da Silva, waqt id-diskors, kompla jikkundanna l-politika tal-eks Mexxej Brażiljan – estremista tal-lemin li, fl-aħħar jiem, siefer lejn l-Istati Uniti biex jevita kull sehem fiċ-ċerimonja għat-trasferiment tal-poter li saret fi Brażilja matul il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn.

Sadanittant, l-inawgurazzjoni ta’ Lula da Silva saret quddiem folla kbira ta’ sostenituri li pakkjaw l-inħawi tal-Kungress fi Brażilja. Il-President Brażiljan u l-Viċi-President tiegħu, Geraldo Alckmin, fl-aħħar jiem, kienu għażlu lill-membri tal-Kabinett ġdid u li fi kliem da Silva ‘huma impenjati biex jagħtu ħajja ġdida lill-poplu tal-Brażil’.