Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Jinqatlu l-mijiet tas-suldati waqt attakk bil-missili fuq ‘bażi tar-Russi’

Il-Mexxejja tal-Ukrajna qed jgħidu li nqatlu ‘il fuq minn 400 suldat Russu waqt azzjoni partikulari fejn l-Armata Ukrena rritaljat bil-bumbardamenti fuq bini li kienet qed isservi bħala kwartieri għall-militar ta’ Vladimir Putin.

L-isparatura tal-missili kienet immirata lejn bini fil-belt ta’ Makiivka, fir-reġjun okkupat ta’ Donetsk, u li l-Ukreni mmarkaw bħala bażi tas-suldati Russi.

Intant, l-awtoritajiet favur ir-Russja rrikonoxxew li l-attakk ħalla ‘numru ta’ vittmi’ iżda ma kkonfermawx iċ-ċifri tal-imwiet min-naħa tal-Ukrajna.

Ingħad ukoll li missila sparata mill-Ukreni kienet laqtet il-bini inkwistjoni żewġ minuti biss wara li d-dinja qalbet is-sena.

Fl-istess ħin, ir-Russi qegħdin jgħidu li l-qawwiet Ukreni setgħu jwettqu ‘biss’ dan l-attakk wara li l-Istati Uniti providitilhom l-armamenti sofistikati biex huma jirreżistu l-invażjoni….Invażjoni li r-Russja għadha tirreferi għaliha bħala kampanja militari speċjali.

U għalkemm l-aċċessi lejn iz-zoni Ukreni kontrollati mir-Russi huma  ristretti għall-aħħar, numru ta’ kummentaturi u bloggers b’simpatiji mar-Russja ukoll rikonoxxew l-attakk għalkemm qed jinsistu li ‘ma nqatlux il-mijiet tat-truppi’.

Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet Ukreni qalu li hu minnu li l-isparatura tal-missili qatlet il-mijiet tas-suldati Russi minbarra li qerditilhom kompletament il-kwartier. Ingħad ukoll li l-vittmi kollha kienu ntbagħtu jiġġieldu fl-Ukrajna taħt is-sistema tal-lieva u li x’aktarx kienu hemmhekk kontra qalbhom – bl-Ukreni jirreferu anki għal madwar 300 suldati Russi midruba fl-istess attakk.

F’każ ta’ konferma dwar iċ-ċifri li ħarġu l-Ukreni, l-attakk, bla dubju, għandu jitqies fost l-aktar azzjonijiet effettivi kontra l-Armata Russa mindu seħħet l-invażjoni tal-Ukrajna fl-aħħar ta’ Frar.

L-Ukrajna  ma kkonfermatx jekk l-isparaturi fuq ir-Russi f’Makiivka bbażawx fuq il-missili tat-tip Himars u li skont Moska ‘kienu provduti mingħand l-Amerikani’. Dan waqt li l-awtoritajiet fi Kiev għadhom qed iżommu mal-istrateġija biex ma jiżvelawx wisq dettalji dwar l-azzjonijiet militari tagħhom.

Ftit tal-ħin wara l-attakk fuq Makiivka, il-qawwiet Russi fetħu bumbardament ġdid fuq Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, u fejn l-infrastruttura imporatnti ntlaqtet mid-drones u mill-missili. Ingħad li d-drones użati kienu ta’ manifattura Iranjana, bl-awtoritajiet fi Kiev isostnu li l-attakk kien parti mill-istrateġija tar-Russja biex tkompli bil-gwerra kontra ċ-ċivili Ukreni, inklużi n-nisa u t-tfal.