Lokali

Ir-ristoranti kienu mimlijin iktar fl-Ewwel tas-Sena milli fil-Milied

F’lejliet l-ewwel tas-sena ħafna Maltin għalu li minflok joqgħodu d-dar, joħorġu jiċċelebraw bidu ta’ sena ġdida f’ristoranti madwar pajjiżna… tant li r-ristoranti kienu mħabbtin ferm akbar minn jum il-Milied.

Dan qalitu l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering, Michelle Muscat f’kummenti ma’ Net News fejn sostniet li r-ristoranti raw preżenza kbira ta’ nies fi tmiem il-ġimgħa, speċjalment lejliet l-ewwel tas-sena.

Hija qalet li n-numru ta’ klijenti kien ferm aħjar milli kien previst oriġinarjament.

Fil-Belt Valletta attendew madwar 50,000 elf ruħ għaċ-ċelebrazzjonijiet. Lokalità oħra li kienet ferm popolari mal-Maltin kienet Tas-Sliema hekk kif ir-ristoranti raw numru kbir ta’ persuni.

Muscat qalet ukoll li r-ristoranti f’Għawdex kellhom preżenza qawwija lejliet l-ewwel tas-sena… bin-nies fittxew b’mod speċjali ristoranti li jarmaw fuq barra.

Minn naħa l-oħra, fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida l-ammont ta’ nies li marru jieklu f’ristorant kien ferm iżgħar meta kkumparat mal-lejl ta’ qabel… b’diversi ristoranti għażlu li ma jiftħux il-bibien tagħhom fl-ewwel tas-sena.

Il-preżenza ta’ nies fl-aħħar jiem tas-sena kienet akbar minn tal-Milied. Dan ifisser li ħafna Maltin u Għawdxin ippreferew li jqattgħu l-Milied mal-qraba tagħhom fi djarhom.

Madanakollu, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejliet l-ewwel tas-sena rritornaw lura għan-normal wara nuqqas ta’ sentejn kaġun tal-pandemija.