Tmiem tas-sena 2022 għall-futbol Malti. Tmiem ta’ 12-il xahar b’rakkonti uniċi li bħal dan iż-żmien sena, ftit li xejn konna qed inbassru li kienu se jseħħu, daqstant ieħor li setgħu jgħaddu minn moħna. Uħud kienu episodji sbieħ u li l-futbol Malti se jibqa’ jiftakar għal tant żmien filwaqt li oħrajn kienu grajjiet li ħallew togħma qarsa jew dieqa kbira fil-familja tal-futbol lokali.
L-2022 kienet tassew sena speċjali u unika fl-istorja ta’ kull żmien tal-futbol Malti. Fit-tmiem ta’ din is-sena, Replay għażilna li nagħmlu klassifika tal-akbar ħames stejjer li seħħew fil-futbol domestiku, fit-tajjeb u l-ħażin.
5

Fil-ħames post ta’ din il-klassifika b’differenza, f’Ottubru li għadda, fil-Ġermanja, Malta telgħet sabiex tilgħab fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Ewro 2024, fl-istess grupp tal-Italja u l-Ingilterra; l-aktar żewġ pajjiżi b’timijiet nazzjonali popolari mal-Maltin. Polza tassew attrajenti għal Malta u li qatt ma ġrat qabel f’storja ta’ aktar minn 65 sena tat-tim nazzjonali Malti.
Fl-istess grupp ma’ Malta, l-Italja u l-Ingilterra, ttelgħu ukoll l-Ukrajna u l-Maċedonja. Ta bilħaqq grupp iebes għalkemm bil-wisq attrajenti u interessanti għal Maltin li jsegwu l-futbol internazzjonali.
4

Fir-raba’ post, it-telfa tal-kit manager tat-tim nazzjonali, Mark Piscopo, li kien magħruf aħjar bħala ‘il-Lullu’. Xokk li ħasad li kulħadd tant kemm din il-persuna kienet maħbuba fil-futbol Malti.
Piscopo kien ferm aktar minn sempliċiment amministratur fil-futbol, u meta f’Ġunju li għadda tħabbret il-mewt tiegħu, wara marda qasira ta’ ftit ġimgħat, id-dieqa li għadda minhu u li għadu jħoss sal-llum il-futbol Malti kienet waħda kbira.
‘Il-Lullu’ kien bniedem b’karattru uniku u partikolari. Ċajtier u ħabrieki. Għalkemm kien partitarju akkanit ta’ Floriana, hu kien maħbub minn kulħadd, saħansitra anke minn dawk li ġejjin minn klabbs avversarji. Bla dubju t-telfa mhux mistennija tiegħu, se tibqa’ tħalli vojt kbir u għal dejjem fost dawk li kellhom ix-xorti jkunu jafuħ mill-qrib.
3

Fit-tielet post tal-akbar stejjer li kelna fil-futbol Malti fl-2022, insibu l-ħatra tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat bħala Ċermen tal-Malta Premier League; l-assoċjazzjoni li tirrapreżenta l-14-il klabb tal-Kampjonat Premier.
Kien Replay li fit-tmiem tal-istaġun li għadda, żvelajna b’esklussiva li wara li kellu jirtira mix-xena politika, Muscat kien viċin li jkollu l-ewwel rwol ta’ tmexxija fil-futbol Malti.
Lejn l-aħħar ta’ Ġunju, dak li kien żvela Replay kien ikkonfermat wara li kiseb l-appoġġ ta’ sebgħa minn 14-il klabb tal-Kampjonat Premier. Nofs il-klabbs l-oħra, iġifieri sebgħa, ma vvutawx favur Muscat biex isir Ċermen tal-MPL, b’erbgħa minn dawn il-klabbs saħansitra jivvutaw kontriħ permezz ta’ votazzjoni li kienet siġrieta.
B’hekk maġġoranza marġinali fost l-14-il klabb li jiffurmaw parti mill-Kampjonat Premier dan l-istaġun, dak li hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa politiċi lokali popolari ta’ kull żmien, Muscat sar Ċermen tal-MPL.
Din l-aħbar ġabet reazzjonijiet bil-wisq kuntrastanti minn xulxin, u qasmet lill-familja tal-futbol Malti literalment fin-nofs dwar l-effetti li din il-ħatra tant kontroversjali se jkollha fuq il-futbol lokali. Minħabba l-passat kontroversjali ta’ Muscat fil-politika, partikolarment l-allegazzjonijiet li saru u għadhom isiru dwaru u t-tmexxija tiegħu meta kien Prim Ministru tal-pajjiż, bosta huma tal-fehma li dan kien pass żbaljat għall-futbol Malti. Fl-istess waqt, oħrajn laqgħu din l-aħbar b’sodisfazzjon kbir, u esprimew il-fiduċja tagħhom li b’Muscat fil-futbol Malti, il-futbol lokali jista’ biss jirbaħ u jikber.
Sintendi wieħed jifhem li l-opinjoni tal-Maltin u l-Għawdxin dwar din l-aħbar hi influwenzata mill-fehma politika tal-individwu, irrelevanti mill-kompetenza li Muscat jista’ jkollu f’dan l-isport bħala amministratur.
2

Fit-tieni post ta’ din il-klassifika, l-aħbar li bosta qatt ma stennew u oħrajn li kienu qed jistennew li tiġri sforz għajdut li kienu jiċċirkolaw. Jirreżenja l-kowċ nazzjonali Malti, Devis Mangia wara li l-MFA issospendiet ħesrem lit-Taljan hekk kif għażlet li taġixxi mal-ewwel fuq allegazzjonijiet ta’ fastidji sesswali li allegatament Mangia kien għamel fuq plejer tat-tim nazzjonali Malti.
Mangia dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet iżda mal-mument li din l-istorja kienet irrappurtata għall-ewwel darba fil-media lokali, il-kowċ bravu Taljan, qatt ma setgħa jibqa’ kowċ nazzjonali, irrelevanti jekk dak li kien qed ikun allegat, u li sal-llum għadu mhux ippruvat, huwiex veritjiet jew le.
Din l-aħbar ħasdet ukoll lill-futbol internazzjonali hekk, b’omm ta’ eks plejer ta’ klabb Rumen li fil-passat kien imexxi Mangia, ħarġet tallega b’fastidji sesswali oħra li allegatament Mangia kien għamel fuq binha qabel mal-kowċ kien impjegat mal-MFA.
M’hemmx dubju li din l-istorja nislet diżappunt kbir fost dawk li jsegwu b’interess lit-tim nazzjonali għaliex l-era ta’ Mangia fit-tmexxija ta’ Malta kienet waħda pożittiva u sal-llum, probabilment hu kien l-aktar kowċ nazzjonali ta’ suċċess.
1

Fl-ewwel post ta’ din il-klassifika, u allura dik li skont Replay kienet l-akbar storja fl-2022 fil-futbol Malti, insibu s-suċċess bħal qatt qabel ta’ Ħamrun Spartans fil-UEFA Europa Conference League.
Fis-sajf li għadda, fil-bidu tal-istaġun 2022/23, Ħamrun irritornaw jipparteċipaw f’kompetizzjoni Ewropea wara assenza ta’ xejn anqas minn 30 sena. Huma bdew jilagħbu mill-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League u b’mod impressjonanti baqgħu javvanzaw sal-istadju tal-play-offs għall-gruppi qabel ma kienu eliminati minn Partizan tas-Serbja.
Fil-proċess, Ħamrun eliminaw tliet klabbs li kienu kollha aktar favoriti minnhom, b’wirjiet mill-aqwa u li se jibqgħu fil-memorja ta’ kull partitarju ta’ Ħamrun.
Dan is-suċċess kien wieħed storiku għall-futbol Malti, hekk kif anke Gżira United kellhom avventura pożittiva f’din l-istess kompetizzjoni, meta rrnexxilhom javvanzaw sat-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni qabel ma kienu eliminati minn Wolfsberger tal-Awstrija.
//= $special ?>