Internazzjonali

L-Awstralja: Ħabta fatali bejn żewġ ħelikopters qrib ta’ Seaworld

Mietu erba’ persuni wara li żewġ ħelikopters ħabtu ma’ xulxin fl-ajru waqt li kienu għaddejjin viċin il-‘marine park’ ta’ Seaworld, fl-inħawi tal-Gold Coast.

Il-Pulizija ta’ Queensland qalu li l-investigazzjonijiet inizjali qed juru li l-ħabta seħħet f’ħin meta wieħed mill-ħelikopters kien qed jibda l-vjaġġ u fl-istess ħin meta l-ieħor kien nieżel lejn l-art.

Il-vittmi kienu kollha qed jivvjaġġaw fl-istess ħelikopter, bi tliet passiġġieri oħra jkunu rappurtati f’sitwazzjoni kritika.

Intant, ħamsa fost is-sitta li kienu fil-ħelikopter l-ieħor salvaw bi ġrieħi ħfief wara inżul ta’ emerġenza.

It-Transport Safety Bureau (ATSB) tal-Awstralja qed jinvestiga l-inċident wara l-inżul tal-ħelikopters f’zona turistika magħrufa bħala Main Beach u li tinsab xi 75 kilmetru fin-nofsinar ta’ Brisbane.