Lokali Qorti

Mixli li wettaq vjolenza morali u psikoloġika fil-konfront tal-ġenituri tiegħu

Raġel ta’ 40 sena residenti tal-Pietà baqa’ miżmum taħt arrest mill-Maġistrat Astrid May Grima wara li ġie mixli li wettaq vjolenza morali u psikoliġika fil-konfront tal-ġenituri tiegħu u li sfurzahom milli jkollhom aċċess għal flushom. Ir-raġel li ismu mhux qed jissemma biex jiġu protetti l-allegati vittmi ġie mixli li fl-aħħar tas-sena fil-Pieta u nħawi oħra kkaġuna biża fuq il-ġenituri tiegħu, tali li se tintuża biża ta’ vjolenza fil-konfront tagħhom.

Ġie mixli wkoll li hedded lil missieru u l-ommu, li kiser il-provedimenti ta’ sentenza sospiża u li sar reċidiv. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegati vittmi. Il-Prosekuzzjoni tmexxuet mill-Ispettur Omar Zammit filwaqt li għar-raġel deher l-Avukat Joe Bonnici.

L-istess persuna f’April li għadda ġie kkundannat sentejn ħabs u mmultat €7,000 wara li nstab ħati li ffastidja u beżża’ lill-eks sieħba tiegħu f’Novembru ta’ tliet snin ilu u fix-xhur ta’ qabel. Huwa kien instab ħati li beżzagħha, li uża apparat ta’ komunikazzjoni biex jagħmel reat, li kiser il-paċi pubblika, li kien fis-sakra. li kiser ordni ta’ protezzjoni, ordni ta’ probation u sentenza ta’ ħabs sospiża dwar każ separat.

L-eks sieħba kienet irrakkontat li kienet ilha f’relazzjoni mar-raġel għal sentejn u għamlet żmien tgħix miegħu. Iddeskriviet l-aġir tiegħu bħala “odjuż”. Qalet li t-tnejn kellhom il-vizzju tad-droga u fost oħrajn spara harpoon fuq il-bieb tad-dar tagħha. Ir-raġel kien jinsab bil-libertà għax kien appella minn din is-sentenza ta’ ħabs,

Psikologa u social worker li xehdu fil-każ tal-harpoon kienu qalu li huwa kellu diversi diffikultajiet fit-trobbija tiegħu imma kien determinat li jibdel ħajtu u qed jikkopera mal-professjonisti. Kienet iħarġet ordni ta’ trażżin biex għal perjodu ta’ sentejn ma jdejjaqx lill-eks sieħba. Kien ġie ordnat ukoll trattament għal perjodu ta’ 18-il xahar fil-konfront tiegħu.