Niġerjan ta’ 35 sena ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara li nqabad b’madwar kilo droga suspettata kokaina moħbija fl-istonku.
Waqt li l-Pulizija kienet qed twettaq spezzjonijiet ta’ passiġġieri li ġew minn titjira diretta minn Brussell, il-Belġju, ftit wara l-10:30 ta’ filgħaxija tas-Sibt li għadda, innutaw movumenti suspettużi ta’ raġel.
Għalhekk, waqqfuh u saret tfittxija fuqu, iżda dak il-ħin kollox irriżulta fin-negattiv.
Madankollu, minħabba li r-raġel baqa’ jidher aġitat u ma tantx beda jikkopera, intalbet aktar assistenza, u kelb tal-Pulizija beda jindika li r-raġel seta’ kien qiegħed iġorr xi ħaġa suspettuża fl-istonku.
Għaldaqstant, ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei filwaqt li saru testijiet b’x-ray u rriżulta li kellu ftit iktar minn 100 kapsula ta’ droga suspettata kokaina, li tammonta għal madwar kilo u b’valur fit-triq ta’ kważi €130,000.
Huwa qed jinżamm l-isptar taħt osservazzjoni u mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat illi ġejjin.
//= $special ?>