Lokali

Sena mill-qtil xokkanti ta’ Paulina Dembska

Sena ilu pajjiżna kellu aħbar mill-aktar xokkanti hekk kif Paulina Dembska kienet nstabet bla ħajja fil-Ġnien tal-Indipendenza f’Tas-Sliema.

Paulina Dembska nqatlet fl-eta’ ta’ 29 sena minn Abner Aquilina li għandu 20 sena u huwa miż-Żejtun.

Il-każ ta’ dan il-qtil għadu qed jinstema fil-Qorti, fejn s’issa diġa’ ġie żvelat li Dembska kienet konxja waqt li ġiet ittorturata, msawwta u stuprata.

Din il-ġurnata tefgħet dalma sewda fuq pajjiżna u żgur li ħalliet ferita kbira fil-qlub tal-ġenituri ta’ Dembska li tilfu lil binthom ħabta u sabta.

F’intervista li taw lit-Times of Malta, il-ġenituri ta’ Dembska qalu li kienet sena ta’ qsim il-qalb u mimlija uġigħ hekk kif binthom ħalliet vojt kbir f’ħajjithom. Huma aċċennaw li se jgħożżu l-memorji sbieħ fejn għallmithom is-sinċerita’ kif ukoll l-importanza li tgħin lil ħaddieħor.

Dan il-każ tefa’ dawl fuq il-fatt li wasal iż-żmien li f’pajjiżna nindirizzaw in-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneru, il-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata f’każijiet bħal dawn kif ukoll li jkun hawn aktar protezzjoni.

Il-qtil ta’ Dembska wassal għall-introduzzjoni tal-femiċidju fil-kodiċi kriminali f’Ġunju li għadda iżda diversi assoċjazzjonijiet saħqu li dan huwa biss il-bidu għaliex hemm aktar xogħol xi jsir.

Sfortunatament il-qtil ta’ Dembska ma kienx l-unika femiċidju għas-sena 2022 hekk kif b’kollox ġew maqtula tliet nisa. Bil-vittmi l-oħra jkunu Rita Ellul u Bernice Cassar li nqatlu bla ħniena mill-aggressuri tagħhom.

Intant, b’tifkira għal memorja ta’ Dembska se ssir quddiesa t-Tnejn filgħaxija fis-6:30 fil-knisja ta’ San Gregorju, f’Tas-Sliema. Wara il-quddiesa se ssir mixja sa Ġnien l-Indipendenza fejn inqatlet filwaqt li l-pubbliku huwa mħeġġeġ jieħu xemgħa.