Tliet Indjani residenti Ħaż Żabbar qed isofru minn ġrieħi gravi wara li kienu nvoluti f’argument ma persuni oħra li ħarbu minn fuq il-post.
L-argument seħħ il-Ħadd filgħaxija għall-ħabta tal-11:00pm, hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata b’argument fi Triq Santa Tereża, Ħaż Żabbar.
Minn investigazzjoni preliminari rriżulta li tliet Indjani ta’ 30, 31 u 26 sena, kollha residenti Ħaż-Żabbar, kellhom argument ma’ numru ta’ persuni li wara ħarbu minn fuq il-post.
It-tliet Indjani marru fl-eqreb ċentru tas-saħħa għall-kura meħtieġa. Aktar tard, huma kienu ċċertifikati bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.