“Id-devastazzjoni li rajna ħalliet impatt kbir fuqna. Sakemm konna l-Ukrajna spiċċajna taħt attakk mill-artillerija Russa.”
Dan sostnewh Neil Camilleri u Giuseppe Attard li huma żewġ ġurnalisti li għamlu żewġ dokumentarji fuq l-atroċitajiet li ġabet magħha l-Gwerra fl-Ukrajna.
F’intervista ma’ Net News huma qalu li xtaqu jagħmlu dan il-vjaġġ sabiex juru verament xi tfisser li tgħix f’pajjiż li jkun fi gwerra.

Matul il-vjaġġ tagħhom huma żaru diversi zoni fl-Ukrajna fejn iddokkumentaw kif in-nies li baqgħu hemmhekk qegħdin jgħixu, kif qed jaħdmu t-tobba, suldati, voluntiera fost oħrajn

Waqt din l-intervista Neil u Giuseppe spjegaw x’impressjonahom waqt li kienu hemmhekk hekk kif id-darbtejn li marru flimkien raw atroċitajiet li m’huma se jinsew qatt.
Huma qalu li xi drabi l-isplużjonijiet ikunu kontinwi fejn saħansitra kienu jsibuha diffiċli jistrieħu għaliex kienu jinkwetaw li minn ħin għall-ieħor jmutu. Huma qalu li l-ewwel darba li marru raw ferm aktar atroċitajiet filwaqt li t-tieni darba peress li segwew tobba, voluntiera kif ukoll assoċjazzjonijiet kienet esperjenza differenti hekk kif raw lenti differenti mill-gwerra.

Preżentament, dawn iż-żewġ ġurnalisti li huma magħrufin ukoll bħala Unhidden Stories ippubblikaw żewġ dokumentarji. L-għan ta’ dawn id-dokumentarji huma sabiex jinġabru fondi għan-nies tal-Ukrajna.
Huma qalu li fiż-żmien li ġej se jerġgħu mmorru lura l-Ukrajna sabiex ikomplu iwasslu l-aħħar rappurtaġġ dwar il-Gwerra.
