Lokali

Il-Gvern ma jilqax it-talba tal-PN biex jitlaqqa’ l-Kumitat tas-Saħħa dwar il-mediċini out of stock – PN

Il-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ ma laqax talba tal-Partit Nazzjonalista biex il-Kumitat Parlamentari Permanenti tas-Saħħa jitlaqqa’ b’urġenza ħalli jiddiskuti din is-sitwazzjoni.

Quddiem dan kollu, matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo u mill-Kelliem għall-Ġlieda kontra d-Dijabete, għal-Libertajiet Ċivili u d-Djalogu Soċjali Claudette Buttigieg, kien innotat kif il-Gvern għandu l-obbligu jassigura stock tajjeb ta’ mediċini biex joffri serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi. Din il-problema qed tkompli tkun serja ħafna u għalhekk, il-Gvern ta’ Robert Abela ma jistax jibqa’ jkun arroganti billi jgħid li s-sitwazzjoni hi taħt kontroll meta, fil-verità, kulħadd jaf li m’hijiex.

Il-kelliema nnotaw kif, minflok ma jara li l-Maltin u l-Għawdxin kollha jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, Robert Abela jrid iħalli lil kulħadd fl-għama, tant li saħansitra, ilu kważi xahrejn ma jaġġorna l-lista tal-mediċini out of stock. Min-naħa l-oħra, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, dejjem kien hemm mediċini out of stock u dan filwaqt li jmexxi l-istess Gvern li kien wiegħed li jwassal il-mediċini sal-bieb, iżda lanqas biss hu kapaċi jwassalhom sal-ispiżeriji.

Kawża ta’ dan kollu, bil-lista tal-mediċini out of stock dejjem tiżdied – b’mediċini kontra l-kundizzjonijiet tad-dijabete u tal-kanċer fl-istonku, fost oħrajn – in-nies qed jispiċċaw mingħajr trattament u l-familji qed jissallbu biex jaraw kif se jlaħħqu u jixtru l-mediċini li għandhom bżonn.

Il-kelliema nnotaw kif il-Gvern ta’ Robert Abela jrid jaħbi l-verità tant li kien ippubblika lista aġġornata sal-14 ta’ Novembru, iżda mbagħad, din il-lista reġgħet tneħħiet bl-aħħar lista ppubblikata terġa’ ssir dik tas-7 ta’ Novembru. Dan fid-dawl tal-miljuni li l-Gvern ħallas u se jibqa’ jħallas lil tal-Vitals u ta’ Steward, minkejja li dawn il-flejjes setgħu jkunu investiti b’benefiċċju għall-poplu kollu u mhux għall-ftit.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jsegwi din is-sitwazzjoni għax irid jassigura li n-nies ikollhom verament il-kwalità tal-ħajja li tixirqilhom.