Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: ‘Ir-Russi għadhom qed jagħmlu minn kollox biex jiddemoralizzaw lill-poplu’   

Ir-Russja trid tagħmel minn kollox biex tpatti għad-disfatti militari tas-sena l-oħra u meta, minbarra l-bumbardamenti kontinwi fuq iċ-ċivili tal-Ukrajna, qed tippersisti b’kampanja fit-tul ibbażata fuq l-attakki bid-drones — dejjem bil-ħsieb li tiddemoralizza lill-poplu Ukren.

Dan qalu l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, li spjega li kien għadu kemm irċieva r-rapporti li Moska qed taħseb biex issostni l-attakki fuq iċ-ċivili Ukreni permezz tad-drones tat-tip Shahed li jipproduċi l-Iran.

L-aħħar żviluppi seħħew fost l-aħħar umiljazzjoni għall-militar ta’ Vladimir Putin fejn l-Ukrajna kwettqet attakk bil-missili li qatel il-mijiet tat-truppi Russi fir-reġjun tad-Donbas.

Hu rari ħafna li r-Russja tammetti dwar is-sultati mitlufa fuq il-kamp tal-battalja, iżda Moska għadha tiċħad li tilfet il-mijiet tas-suldati f’dan l-attakk; bis-sorsi fil-kapitali Russa jenfasizzaw li fl-attakk ma mietux aktar minn 60.

Sadanittant, Zelensky, waqt id-diskors regolari tiegħu minn Kiev, qal li r-Russja qed taħseb biex ‘teżawrixxi’ lill-Ukrajna permezz ta’ mewġa ta’ attakki bid-drones għat-tul taż-żmien.

Hu tenna li l-Ukreni jeħtieġu jaċċertaw li jfalli dan il-pjan ‘terroristiku’ ta’ Moska u li d-difiżi tal-pajjiż iżidu l-impenji għall-protezzjoni tal-poplu.

L-attakki bid-drones tar-Russja fuq l-Ukrajna qed jidhru li żdiedu fl-aħħar jiem, bl-Armata tal-President Russu Putin twettaq sensiela straordinarja ta’ azzjonijiet diretti fuq l-ibliet. il-power stations u faċilitajiet oħra importanti madwar l-Ukrajna.

Fl-istess ħin, il-korrispondenti qalu li l-attakki bid-drones, minbarra li qegħdin jokkupaw sew lill-militar tal-Ukrajna, qed iħallu impatta dirett u sinifikanti għall-popolazzjoni ċivili…Popolazzjoni li qed tgħix kull ġurnata taħt arja ta’ biża u inċertezza u fost l-effetti kaotiċi għall-ħajja ta’ kuljum.

Madankollu, id-difiżi Ukreni, fl-aħħar jiem, irnexxielhom jinterċettaw u jeqirdu ħafna mid-drones li ntużaw għall-attakki fuq pajjiżhom. Fil-fatt, Zelensky qal li d-difiżi tiegħu, fl-ewwel jiem tas-sena, kienu waqqgħu diġà qrib il-100 drone magħmulin mill-Iranjani fl-ewwel jiem

Dan ukoll meta r-Russja qed tkompli bl-istrateġija intiża għall-qerda tal-entitajiet li jipproduċu s-sħana għall-poplu Ukren li qed ikompli jbati mill-blackouts u mill-friża tax-xitwa. Fi żviluppi oħra, l-Ukreni qalu li s-suldati tagħhom, fl-aħħar sigħat, kienu qed iwettqu l-attakki ġodda fuq zona okkupata mit-truppi Russi f’Donetsk, bid-dettalji jibqgħu xi ftit konfużi.